‘Paga żejda’ bi żball għal żewġ tobba

Żewġ tobba ngħataw iktar mill-paga minima żejda, lil hinn mill-ħlasijiet li suppost jirċievu f’sena

 

Żewġ tobba li jaħdmu mal-Gvern ingħataw mas-€27,500 żejda bi żball mal-paga tagħhom, li tammonta għal iktar mill-paga minima żejda.

Dan joħroġ mir-rapport tal-Awditur Ġenerali li sab bosta nuqqassijiet f'għadd ta' dipartimenti tal-Gvern. Fil-fatt l-Awditur sab li żewġ tobba kienu mħallsin, meta tgħodd pagi u allowances €14,089 u €13,334 rispettivament aktar milli suppost, f’sena waħda biss. Dan l-iżball fisser li dawn iż-żewġ tobba ingħataw iktar mill-paga minima, lil hinn mill-ħlasijiet li suppost jirċievu f’sena.

Ir-rapport jiżvela, fost affarijiet oħrajn li fil-fatt dawn iż-żewġ tobba kienu qed jitħallsu, f’allowances, €3,552 ma kull paga matul l-2015 u €3,697 ma’ kull paga matul l-2016, meta fil-fatt suppost kienu qed jieħdu €2,464 fl-2015 u €2,367 fl-2016. Dan ifisser diskrepanza ta’ €1,088 ma’ kull paga fl-2015 u diskrepanza ta’ €1,330 ma’ kull paga fl-2016. Prattikament, diskrepanza li titqabbel sew ma’ ħafna pagi f’Malta.

L-uffiċċju tal-Awditur ippropona li jkun hemm mekkaniżmu ċar li jikkontrolla l-pagamenti tal-ħaddiema fid-Dipartiment in kwistjoni u li meta jkun ċar li l-ħlasijiet, huma għoljin jew baxxi eżaġeratament, tittieħed azzjoni immedjata.

Intant dawn iż-żewġ tobba ġew ordnati jħallsu lura l-flus żejda li ħadu sa Diċembru 2018

L-Illum żvelat diversi stejjer minn dan ir-rapport tal-Awditur, fosthom taħwid fid-direct orders u l-fornituri tal-armata, u rapport dwar ħaddiema partikolari li minkejja li kienet taħdem full time ma' dipartiment tal-Gvern, ippreżentat ittra bit-tabib li ma tistax taħdem daqstant sigħat minħabba l-kundizzjoni ta' saħħitha, u fl-istess waqt kienet qed taħdem part time ma' dipartiment ieħor tal-Gvern.

More in Socjali