Żewġt'iĦdud ilu, il-gazzetta ILLUM żvelat kif l-Għaqda Patrijotti Maltin issa hija uffiċjalment partit politiku u se jkollha kandidati kważi f’kull distrett. Fil-ħarġa tal-istess gazzetta, nhar il-Ħadd li għadda Fr. Vince Magri li jmexxi l-Fondazzjoni Paolo Freire u Ġiżwita, għalhekk parti minn ordni li taħdem ħafna mal-immigranti u li saħansitra batiet konsegwenzi fuq il-proprjetà tagħha minħabba dan, jgħid li dan il-fatt jinkwetah.
“Dażgur li ninkwieta, għax il-politika tal-‘Patrijotti’ hija waħda ta’ animożità u l-animożità ma tista qatt tkun xi ħaġa pożittiva. Meta qed nitkellmu dwar immigranti qed nitkellmu dwar persuni li qed ifittxu ħajja aħjar, ħajja ta’ dinjità. U t-tagħlim tal-Knisja jagħmilha ċara li kull persuna għandha dritt li tfittex ħajja aħjar.”
Magri jkompli jgħid, “jien ma nħarisx lejn il-kulur tal-persuna, jiena nħares lejn il-persuna. U anke l-Knisja. Sfortunatament iżda, f’dan il-pajjiż resqin biex inkunu soċjetà tal-ghettos, bħalma hemm f’pajjiżi oħrajn. Il-ghettos fil-vera sens tal-kelma jkissru t-tessut soċjali tagħna u jkissru s-sbuħija tal-integrazzjoni. Jeħtieġ nitgħallmu ngħixu ma’ kulħadd, inkluż ma’ dawk li qed ifittxu ħajja aħjar. Irridu nitgħallmu nirrispettaw, mhux sempliċiment nittolleraw.”
Legalment il-Gvern għandu raġun, imma...
Mistoqsi dwar l-aħħar deċiżjoni tal-Gvern f’din il-kwistjoni, jiġifieri li jiddeporta 24 persuna lura lejn pajjiżhom, Magri sostna li l-Gvern seta’ jieħu din id-deċiżjoni u kellu kull dritt legali li jagħmel dan. Fr Magri jħoss, allura li l-legalità tal-azzjoni hija ġustifikazzjoni biżżejjed?
“Kif għidt int,” jibda jwieġeb Magri lill-ILLUM, “il-Gvern kellu bażi legali biex jiddeporta, jiġifieri legalment m’għamel xejn ħażin. Imma apparti dak li hu legali, hemm ukoll il-valur tal-persuna. Nistgħu nitrattaw lill-persuni, verament ta’ persuni u ngħinu lil dawk li jinsabu fil-bżonn? Il-Gvern jista’ jistaqsi din il-mistoqsija bħala kriterju umanitarju u ta’ ġustizzja soċjali, biex jiddeċiedi jekk id-deċiżjoni li ħa kinitx waħda ġusta. Għalija,” jirrijaferma Fr Magri, “il-ġustizzja soċjali hija iktar importanti mill-aspett legali.”
'Żommhom f’darek Fr Vince' ... kif iwieġeb?
Probabbilment, uħud minn dawk li se jaqraw dan l-artiklu se jwieġbu lil Fr Magri bis-soltu stedina, “Jekk trid żommhom f’darek Fr.Vince.” Kif jilqa’ għal din it-tip ta’ kritika Magri? “Jien ngħin ħafna lil dawn in-nies, meta jiġu għandi hawn iż-Żejtun, fejn naħdmu wkoll mal-Maltin, dejjem nilqugħhom u dejjem ngħinuhom.”