Jekk tinsab waħdek ... 'naħseb fik'

Min jaf kieku dan il-Milied tispiċċa waħdek? .... Il-Gvern ikompli bil-kampanja 'Naħseb Fik' 

Hekk kif iktar kmieni s-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana nediet il-kampanja "Naħseb Fik", illum hija ssukktat tippromwovi din il-kampanja f'Għawdex ukoll waqt żjara  lill-anzjani li jattendu ċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva fix-Xewkija. Hija fissret li l-kampanja "Naħseb Fik" tieħu forma ta' żjarat jew għoti ta' rigali lil dawn l-anzjani li, b'għafsa ta' qalb, ikunu weħidhom meta jaraw anzjani oħra mdawrin bil-qraba. "Iktar mill-attenzjoni doveruża tul is-sena kollha, hija kiefra li n-nuqqas tagħha joħloq swied il-qalb fost l-anzjani minsijin fi żmien meta appuntu kulħadd ikun qiegħed jifraħ lil hinn mir-residenzi ta' dawn l-anzjani," qalet is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana. 

Il-kampanja issa waslet fl-aħħar fażijiet qabel ma jagħlaq iż-żmien li fih jistgħu jingħataw ir-rigali.  Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana saħqet fuq l-importanza li nilħqu x-xewqat kollha tal-anzjani li ressqu x-xewqat tagħhom. Hija qalet li din is-sena n-numru ta' anzjani li wrew ix-xewqat tagħhom żdied ħafna iktar mis-sena l-oħra u dan juri kemm l-anzjani tagħna għandhom bżonn tal-wens."Naħseb Fik" huwa għalhekk il-proġett li permezz tiegħu l-anzjani li għaddejjin mis-solituduni, iħossu li hemm minn jimpurtah minnhom meta jagħti dan ir-rigal. Is-Segretarju Parlamentari fakkret li dan il-proġett pilota beda s-sena l-oħra minn Għawdex u din is-sena qed jinfirex għal uħud mid-djar tal-anzjani f'Malta wkoll bil-għan li kull sena nkomplu  nkabbru din l-inizjattiva li tesprimi aktar solidarjetà fost il-familji u fi ħdan is-soċjetà kollha.

Justyne Caruana raddet ħajr lill-ħaddiema u d-diriġenti kollha fid-djar tal-anzjani għall-isforzi tagħhom biex joħolqu ambjent festiv fil-ġimgħat li ġejjin, fejn ikun jonqos biss il-preżenza reali tal-familji tal-anzjani.

 

More in Socjali