L-aħħar xogħlijiet fil-Palazz tal-Gran Mastru bi tħejjija għall-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE

L-akbar xogħlijiet kienu ikkonċentrati fil-kamra li kienet il-Kamra tad-Deputati tal-Parlament

Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi żar ix-xogħlijiet li waslu fl-aħħar fażi tagħhom fil-Palazz tal-Gran Mastru, il-Belt Valletta, bi tħejjija għall-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, fejn illum inxtegħel b’mod uffiċjali d-dawl tal-bitħa tal-Palazz.

Il-Ministru Joe Mizzi, li kien akkumpanjat miċ-Chairman tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li din il-binja maestuża qed tiġi riġenerata b’numru ta’ interventi li saru, u dan wara li aktar kmieni din is-sena tlesta x-xogħol fuq ir-restawr tal-faċċata u tal-ġnub tal-Palazz.

Huwa spjega li l-akbar xogħlijiet kienu ikkonċentrati fil-kamra li kienet il-Kamra tad-Deputati tal-Parlament, fejn mistennija jsiru diversi laqgħat importanti għall-ministri Ewropej u laqgħat importanti oħrajn li jdumu għaddejjin matul is-sitt xhur tal-Presidenza.

Spjega wkoll li fl-aħħar ta’ Frar bdiet titneħħa l-għamara li tpoġġiet f’maħżen f’każ li jinħass il-bżonn li terġa’ tintuża fil-futur. Ix-xogħlijiet fis-sala prinċipali fost l-oħrajn kienu jinkludu sistemi ġodda ta’ elettriku, data, audio visuals, arja kundizzjonata, armar ta’ mwejjed u ta’ skrivaniji, armar ta’ panels mal-ħitan, armar ta’ translation booths u armar ta’ press conference area.

Il-Ministru Mizzi qal li xogħlijiet oħrajn saru fl-arkivji tal-Parlament, xogħlijiet fil-bitħa l-kbira, installazzjoni ta’ servizzi fl-uffiċini u restawr ta’ ħitan fil-kurituri prinċipali tal-Palazz - proġett li b’kollox ġie jiswa iżjed minn ħames miljun ewro.

Kif spjega Stefan Zrinzo Azzopardi, ix-xogħlijiet qed isiru bejn diversi entitajiet, fosthom Heritage Malta u d-Direttorat tar-Restawr, filwaqt li l-GHRC kienet kummissjonata mill-Ministeru għall-Fondi Ewropej biex twettaq ir-riġenerazzjoni neċessarja fil-Palazz kif ukoll is-superviżjoni tax-xogħlijiet.

Il-Ministru Joe Mizzi fakkar li qed jitkompla x-xogħol fid-daħla tal-Belt Valletta, fosthom fuq il-foss ta’ taħt l-entratura prinċipali tal-Belt, il-pjazza tat-Tritoni u Vjal Re Dwardu. Dan wara li aktar kmieni din is-sena, tlesta wkoll il-proġett ta’ Pjazza Kastilja.

Il-Ministru Mizzi elenka r-responsabbiltajiet tal-Valletta Services Directorate. Permezz ta’ dan id-direttorat, li jiġbor fih għadd ta’ entitajiet taħt il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, qed isiru xogħlijiet ta’ tiswija, ta’ manutenzjoni, ta’ dwal u upgrading ta’ bankini, ta’ spazju miftuħ u żoni oħra fil-Belt. L-iskop huwa li jkun hemm entità iffukata u dedikata b’riżorsi li tilħaq dan l-iskop. Diġà twettqu u qed isiru diversi xogħlijiet, b’ħafna minnhom matul il-lejl, waqt li għaddejjin aktar taħdidiet mal-entitajiet pubbliċi, V18, NGOs u l-Kunsill Lokali, biex dan kollu jwassal għal dehra isbaħ tal-Belt Valletta.

More in Socjali