Appell lil Anna Mallia biex tirraporta kull każ ta' abbuż

Il-Ministeru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali saħaq li kull allegat abbuż jiġi investigat

Wara li nhar l-Erbgħa li għadda, is-sit illum.com.mt irrapporta dak li ntqal mill-avukat Anna Mallia dwar allegat abbuż fuq proprjetà tal-Gvern, fejn qed jiġi allegat li persuna kriet il-post tal-Gvern li kellha, u saħansitra bniet penthouse fuqu, il-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali appella lill-avukat Anna Mallia sabiex tirrapporta kull każ ta' abbuż lill-Awtorità tad-Djar.

F'kuntatt li għamel dan is-sit ma' Anna Mallia, hi ma tatx iktar dettalji dwar il-każ tal-allegat abbuż.

Min-naħa tiegħu, il-Ministeru kompla jgħid mal-Illum li kull każ ta’ allegat abbuż jiġi trattat dejjem u mill-ewwel, kif ġew trattati numru ta’ abbużi rrappurtati matul l-aħħar xhur u snin.

Intant, fil-gazzetta ta' nhar il-Ħadd li ġej, il-gazzetta Illum se tkun qed tkompli ssegwi l-każ b’aktar reazzjonijiet minn-naħa tal-Awtorità tad Djar u l-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, għall-allegati abbużi li ssemmew fl-artiklu ta’ Mallia.

More in Socjali