Ħajja ta' persuna waħda li minkejja li tkun mietet, għandha l-possibbiltà li ssalva tmien ħajjiet oħra. Dan isir permezz tad-donazzjoni tal-organi, fejn persuna li jkollha bżonn trapjant ta' xi organu, tkun tista' tagħmel dan u jkollha t-tieni ċans għall-ħajja tagħha.
Issa huwa possibbli li persuna tirreġistra sabiex meta tmut, l-organi tagħha jkunu jistgħu jittieħdu minn min verament jeħtieġhom. Persuna li tirreġistra f'din is-sistema li ġiet imnedija llum, se tara li tkun assigurata li x-xewqat tagħha, se jkunu rispettati.
Il-persuni li jirreġistraw, jistgħu jagħżlu jekk iridux jagħtu donazzjoni tal-organi kollha tagħhom, tal-ebda organu jew inkella jagħżlu dawk li jixtiequ jagħtu.
Differenti mis-sistema tal-kard tad-donatur li kienet teżisti sa issa, ir-reġistru tad-donaturi tal-organi, li se jkun qed jaqa' taħt ir-responsabbiltà tas-Supretendenza tas-Saħħa Pubblika, se jkun jorbot legalment.
Jekk persuna ma timliex din il-formola, ma' mewtha, id-deċiżjoni dwar l-għoti tal-organi taqa' f'idejn il-qraba tagħha. Persuna tista' tibdel id-deċiżjoni tagħha, dwar dan, jekk ikun reġa' bdielha.
Il-formoli jistgħu jimtlew online jew inkella miċ-ċentri tas-saħħa.