Imħabbra żieda fl-allowance tad-diżabilità

Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia ħabbar li l-allowance tad-diżabilità se jiżdied b’mod gradwali

Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia ħabbar illi l-allowance tad-diżabilità se jiżdied b’mod gradwali.

Il-Ministru Farrugia qal illi  wara li fil-budget 2015, bħala inizjattiva biex persuni  b’diżabilità jużaw  il-kapaċitajiet tagħhom  u jidħlu  fid-dinja tax-xogħol, ġew  infurzati l-kwoti li employers iridu jħaddmu bħala persentaġġ  tal-workforce. Issa sar pass ieħor u ma baqax jigi ikkunsidrat id-dħul kollu mill-impjieg fl-assessjar tal-pensjoni tad-diżabilità.

Il-Ministru Farrugia sostna illi din l-inizjattiva ħalliet il-frott tagħha u issa hemm ammont ta’ ’l fuq minn 800 persuna li jirċievu pensjoni tad-diżabilità u jaħdmu, uħud full time filwaqt li oħrajn jaħdmu part time.

Farrugia qal illi tul is-sena 2016 tkellem fuq il-ħtieġa li l-Gvern jagħti każ ta’ dawk il-persuni illi minħabba id-diżabilità taghom mhux possibbli għalihom li jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

Kien għalhekk qal il-Ministru Farrugia illi fil-Budget għas-sena 2017 tħabbret riforma kbira fil-pensjoni tad-diżabilità li mis-sena d-dieħla se tkun maqsuma fuq tliet livelli.

il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia ħabbar illi l-allowance tad-diżabilità se jiżdied b’mod gradwali
il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia ħabbar illi l-allowance tad-diżabilità se jiżdied b’mod gradwali

L-Ewwel Livell  - ASSISTENZA MIŻJUDA  GĦAL DIŻABILITÀ SEVERA
Dan il-livell ser jkun ikopri persuni li jkun ċertifikati li assolutament ma jistgħux jaħdmu.

Għal dan il-benefiċċju ser ikun hemm rata waħda ta’ benefiċċju li għall-ewwel sena ser  tkun ta’ €120 fil-ġimgħa li gradwalment trid titla’ sal-paga minima nazzjonali netta tul is-snin. Kif dejjem sar, dan il-benefiċċju ser  jibqa’ jiżdied ukoll bl-għoli tal-ħajja sħiħ li joħroġ f’kull budget.

  • L-applikant irid jissodisfa  l-kundizzjonijiet mediċi elenkati fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali.
  • L-applikanti jridu jkunu taħt l-età ta’ 60 sena jew iġibu prova medika li d-diżabilità tagħhom kienet teżisti qabel għalqu s-sittin.
  • Il-persuna ma tistax tkun intitolata għal żewġ benefiċċji f’ħin wieħed imma tingħata l-aktar wieħed vantaġġjuż jgħodd għal dawn l-applikanti wkoll.
  • Se jkun board multi dixxiplinarju li finalment  jevalwa dawn il-każijiet wara li jkunu imlew l-applikazzjoni meħtieġa, li parti minnha trid ukoll timtela minn persuna ta’ professjoni medika.
  • Persuni li jkunu intitolati ser ikunu awtomatikament intitolati għall-karta r-roża li biha jkunu jistgħu jieħdu l-mediċini b’xejn u dak kollu assoċjat ma’ dan il-benefiċċju bħal nuċċalijiet, hearing aids, mili ta’ snien, dentaturi, eċċ.
  • Il-karta r-roża se jkollha validità ta’ sena irrispettivament mill-età tal-benefiċjarju.
  • Dan il-benefiċċju mhux se jkun taxxabli.

Permezz ta’ dan il-benefiċċju ġdid, se tkun qed tingħata għajnuna lil min assolutament ma jistax jgħin ruħu billi jidħol fid-dinja tax-xogħol u jżid l-introjtu tiegħu.

 

It-Tieni Livell -  ASSISTENZA GĦAL DIŻABILITÀ SEVERA

Dan il-livell ser  jinkorpora fih il-benefiċjarji eżistenti  li bħalissa jieħdu l-pensjoni tad-diżabilità u għandhom il-faċilità li jaħdmu mingħajr ma jitnaqqsilhom xejn mill-pensjoni li jirċievu.  Għalhekk il-benefiċjarji eżistenti se jiġu trasferiti fuq dan il-benefiċċju.

  • Ir-rata tal-benefiċċju għas-sena 2017 ser tkun sa massimu ta’ €102.13 fil-ġimgħa, li bħalma kien isir kull sena, tibqa’ tiżdied bl-għoli tal-ħajja sħiħ kull sena.
  • L-ebda dħul minn impjieg ma jiġi ikkunsidrat fl-assessment, għalkemm kull applikazzjoni se tibqa’ tkun sottomessa għal test tal-mezzi kif jiġri llum.
  • L-applikanti jridu jkunu taħt l-età ta’ 60 sena jew iġibu prova medika li d-diżabilità tagħhom kienet teżisti qabel għalqu s-sittin.
  • L-applikant irid jissodisfa l-kundizzjonijiet mediċi  elenkati fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali.
  • B’effett ta’ miżura oħra ta’ dan il-budget 2017, id-dħul minn xogħol, anqas se jiġi ikkunsidrat fl-assessment tal-karta r-roża u għalhekk iktar nies se jikkwalifikaw għall-mediċini u dak kollu assoċjat magħha.
  • Il-persuna ma tistax tkun intitolata għal żewġ benefiċċji f’ħin wieħed imma tingħata l-aktar wieħed vantaġġjuż jgħodd għal dawn l-applikanti ukoll.

F’dan il-livell  il-karta r-roża se tinħareġ b’validità ta’ sena, irrispettivament mill-età tal-individwu.(Qabel kienet issir kull tliet jew erba’ xhur għal dawk li huma ta’ età anqas minn 60).

It-Tielet Livell   -  ASSISTENZA GĦAL DIŻABILITÀ
Dan ukoll huwa benefiċċju ġdid u kien imwiegħed fil-Manifest Elettorali tal- Gvern. Sal-lum, il-liġi ma tippermettix li persuna b’riġel jew driegħ nieqes jew ma jiffunzjonax, jingħata pensjoni tad-diżabilità.  B’din ir-riforma, din il-kundizzjoni se tiddaħħal fil-liġi, u persuna tali tkun intitolata għal Disability Allowance .

  • Dan il-benefiċċju ser  ikun b’effett mill-1 ta’ Jannar, 2017 u se jitħallas bir-rata sa massimu ta’ €76.60 fil-ġimgħa.
  • L-ebda dħul minn impjieg ma jiġi ikkunsidrat fl-assessment, għalkemm kull applikazzjoni se tibqa’ tkun sottomessa għal test tal-mezzi kif jiġri llum.
  • L-applikant irid jissodisfa l-kundizzjonijiet mediċi  elenkati fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali, iġifieri li l-applikant irid ikollu paraliżi parzjali jew malfunzjoni gravi li tkun ġiet b’kawża ta’ amputazzjoni jew mod ieħor ta’ riġel jew driegħ wieħed.
  • L-applikanti jridu jkunu taħt l-età ta’ 60 sena kif elenkat fl-istess liġi jew iġibu prova medika li d-diżabilità tagħhom kienet teżisti qabel għalqu s-sittin.
  • Bħaż-żewġ livelli l-oħra, il-persuna ma tistax tkun intitolata għal żewġ benefiċċji f’ħin wieħed imma tingħata l-aktar wieħed vantaġġjuż jgħodd għal dawn l-applikanti wkoll.
  • Sabiex jikkwalifika għal karta r-roża, benefiċjarju ta’ dan il-benefiċċju jrid joqgħod għal test tal-mezzi normali, kif imsemmi fil-Liġi tas-Sigurtà Soċjali

More in Socjali