‘In-numru ta’ nies għall-ikla tal-Caritas diġà qabeż tas-sena l-oħra’

Ikla tal-Milied oħra tal-Caritas bil-mira li ħadd ma jkollu Milied waħdu

Il-preparamenti għall-ikla tas-sena l-oħra...mistennija jkun hemm iktar nies mis-sena l-oħra
Il-preparamenti għall-ikla tas-sena l-oħra...mistennija jkun hemm iktar nies mis-sena l-oħra

Is-sena li għaddiet, Caritas Malta organizzat b’suċċess l-ikla tal-Milied bil-għan li ħadd ma jkollu għalfejn iqatta’ dan il-jum ta’ festa waħdu. Fil-fatt, kienu 200 persuna li attendew l-ikla tas-sena li għaddiet, b’sorpriża kbira għall-organizzaturi, hekk kif kien maħsub li din kienet se tattira massimu ta’ 40 persuna.

F’kummenti mal-gazzetta ILLUM, Marica Mizzi, li hija l-kelliema għal Caritas Malta qalet li s-sena li għaddiet, meta Caritas Malta ħarġet bl-idea li f'jum il-Milied tiftaħ il-bibien tagħha għal dawk il-persuni li m'għandhomx x'jieklu, kienet sorpriża li l-maġġoranza ta' dawk li attendew kienu persuni li jgħixu fis-solitudni.

Wara s-suċċess li kellha l-edizzjoni tas-sena l-oħra, Caritas Malta ħasbet sabiex terġa’ torganizzaha, sabiex tiżgura li verament ħadd ma jkollu għalfejn iqatta’ l-Milied fis-solitudni. Fil-fatt, Mizzi qalet kif għal din is-sena, l-organizazzjoni tħalliet f’idejn Caritas Youths, li ddeskriviethom bħala, “grupp ta' żgħażagħ li b'ħafna enerġija pożittiva daħlu għal din l-attività b'entużjażmu kbir.”

Marica Mizzi kompliet tgħid li n-numru ta' dawk li se jattendu sal-lum diġà qabeż dak tas-sena l-oħra u għalhekk kellu jinstab spazju ikbar. Dis-sena se terġa' ssir fil-Kurja tal-Arċisqof imma fil-bitħa fejn intramat tinda apposta, għall-okkażjoni.

Appellat sabiex, “dawk li jinsabu weħidhom, jew bla saqaf fuq rashom huma mistiedna jċemplu fuq 99122515 u jiġu jqattgħu l-jum tal-Milied mal-familja ta' Caritas.” Il-Bibien jinfetħu mill-11 ta' filgħodu 'l quddiem

Kienu bosta persuni li meddew idejhom għall-preparamenti tas-sena li għaddiet
Kienu bosta persuni li meddew idejhom għall-preparamenti tas-sena li għaddiet

More in Socjali