Hekk kif kien imħabbar fil-baġit li għadda, kull persuna li se tkun qed tagħlaq 18-il sena, se tkun qed tingħata l-possibbiltà li tagħmel użu mit-trasport pubbliku għal sena sħiħa mingħajr ħlas.
Transport Malta ħabbret li dan se jkun qed jidħol fis-seħħ minn Jannar li ġej u se tkun qed taħdem billi TM tagħti lura fi kreditu l-ammont li jkun intefaq ix-xahar ta' qabel fit-Tallinja Card. Eżempju, jekk persuna tuża €20 mit-Tallinja Card fi Frar, Transport Malta tagħti lura dawn l-€20 fuq il-card fil-bidu ta’ Marzu. L-iskema tibda malli persuna tagħlaq 18-il sena u tibqa’ fis-seħħ sa ftit qabel tagħlaq 19-il sena.
Transport Malta qalet ukoll li kull individwu jista’ jibbenifika sa massimu ta’ €312 fi kreditu tul is-sena, u dan il-kreditu se jkun validu fuq kull tip ta’ rotta u vjaġġ li toffri l-Malta Public Transport kemm dawk ta’ matul il-jum, bil-lejl u r-rotot speċjali.
Dawk li jagħlqu 18-il sena fl-2017 u għandhom it-Tallinja Card m’għandhomx għalfejn japplikaw; jibdew jibbenefikaw mill-iskema awtomatikament f’għeluq sninhom. Dawk li m’għandhomx Tallinja Card iridu japplikaw għal waħda biex jibbenifikaw mill-iskema.