"L-Istrina hi l-avveniment li jew temmen fiha, jew ma temminx, u rajna li minn sena għall-oħra, in-nies qed tibqa' temmen fiha u żżid l-entużjażmu lejha." Dan kien il-kumment tal-Kap Eżekuttiv tal-PBS, John Bundy li sena wara l-oħra jkun parti mill-organizzazzjoni u l-preżentazzjoni tal-maratona annwali ta' solidarjetà, l-Istrina, li xi ħaġa kważi kważi novità li l-kap eżekuttiv ikun daqstant attiv pubblikament.
F'kummenti ma' illum.com.mt, il-preżentatur qal li hu flimkien ma' Peppi Azzopardi ilhom jippreżentaw dan l-avveniment 'sa mill-ewwel ġurnata', u jgħid kif kull sena tkun aqwa minn oħra.
Bundy jitkellem dwar l-avveniment huwa investiment għall-pajjiż kollu, u l-istrina tiġi biex ngħinu lil min għandu bżonn.
John Bundy jgħid li ġieli wara għaxar sigħat u iktar li jkun ilu jippreżenta, "ikun hemm min isaqsini jekk inkunx għajjejt wara dak il-ħin kollu, imma qatt ma jkun il-każ għax tant kemm tkun kuntent, li tiġi enerġija fenomenali." Bundy iżid jgħid li kważi kważi meta l-Istrina tiġi fi tmiemha, "jiddispjaċini li tkun spiċċat."
L-edizzjoni ta' din is-sena tal-istrina kienet waħda tar-rekords hekk kif madwar siegħa qabel ma ntemmet l-edizzjoni ta' din is-sena, il-fondi miġbura kienu diġà qabżu r-rekord tas-sena ta' qabel, li kienu ftit iktar minn €4 miljuni, bis-somma totali ta' din is-sena wara maratona ta' 12-il siegħa ilaħħqu l-€5,514,125.