Lestu l-kowt u x-xalla għall-aħħar jum ta' sena sħuna

L-2016: Ġeneralment sħuna u xotta għajr għal din il-ħarifa, imma mistennija tispiċċa bil-kesħa

Mistennija l-kesħa għall-ewwel siegħat tas-sena
Mistennija l-kesħa għall-ewwel siegħat tas-sena

It-tbassir tat-temp għal tmiem il-ġimgħa li ġej jindika li, wara t-temp sabiħ li gawdew il-gżejjer fil-Milied, is-Sena l-Ġdida ser iġġib magħha temperaturi aktar baxxi, sema ftit imsaħħab u possibbiltajiet ta’ xita. Filwaqt li kemm il-31 ta’ Diċembru u kemm it-2 ta’ Jannar huma mistennijin li jkunu ftit sa pjuttost imsaħħbin, intervalli twal xemxin ser idawlu l-jum ftit imsaħħab tal-Ewwel tas-Sena. Għal dan il-jum, mhix mistennija xita.
Dawk li ser jagħtu merħba lill-2017 f’attività fil-miftuħ huma avżati jitleffu, minħabba li l-aktar temperatura baxxa għall-31 ta’ Diċembru mistennija tinżel sa 7°C. It-tbassir tat-temp jindika wkoll possibbiltà ta’ xita ħafifa f’ċerti postijiet fl-istess ġurnata.
7°C hija wkoll l-aktar temperatura baxxa mbassra għall-1 u t-2 ta’ Jannar. Ir-rekords meteoroloġiċi juru li l-2015 bdiet fuq l-aktar nota kiesħa sa issa, meta t-temperatura waqgħet għal minimu ta’ 2.1°C.
It-temperatura massima għal dawn it-tlett ijiem ser tiżdied gradwalment: minn 12°C lejlet l-Ewwel tas-Sena għal 14°C fl-1 ta’ Jannar għal 15°C fit-tieni jum tas-sena. Riħ ħafif sa moderat huwa mistenni jonfoħ tul il-weekend, u jsir moderat għal pjuttost qawwi tul il-lejl tat-2 ta’ Jannar.

More in Socjali