Is-sena li kienet...is-sena skont il-gazzetta ILLUM

It-tieni nofs tas-sena 2016 skont il-faċċati tal-gazzetta ILLUM

Lulju

F’Lulju, il-gazzetta ILLUM żvelat kif tal-gabbani f’Bieb il-Belt irċevew ittra ta’ żgombru mill-post, minħabba l-proġett tad-daħla tal-Belt. Minkejja l-inkwet tagħhom, il-gazzetta baqgħet tirraporta matul ix-xahar kif kienu għaddejjin negozjati mas-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri għal soluzzjonijiet ġusti. L-ILLUM tiżvela kif fil-fatt kif kien deċiż li l-proġett il-ġdid se jinkorpora 10 gabbani.

Matul Lulju irraportajna dwar żgombru ta’ erba’ ħwienet ukoll, din id-darba madwar il-Kon-Katidral minħabba proġett li se jsir hemm u rrapurtajna dwar kif rekwiżiti għal impjieg ta’ leading electrician mal-Gozo Channel jinbidlu tliet darbiet biex l-impjieg jieħdu persuna ‘ta’ ġewwa’.

Matul dan ix-xahar, trattajna l-ewtanasja skont stħarriġ mit-tobba Jurgen Abela u Pierre Mallia, il-liċenzji ta’ karozzi antiki, il-koedukazzjoni u anke akkużi mill-Kunsillier Laburista tal-Qala Pawlu Buttigieg li kien hemm min prova jixtri s-silenzju tiegħu fil-kwistjoni tal-proġett ta’ Ħondoq ir-Rummien. L-ILLUM trattat b’mod intensiv il-kolp ta’ stat fit-Turkija u kellmet lil mara Torka li kienet f’Istanbul meta seħħ il-ġlied, żvelajna dettalji dwar il-liċenzji l-ġodda tal-karozzini u trattajna temi soċjali bħad-dipressjoni.

Awwissu

L-ILLUM bdiet Awwissu bl-ewwel kummenti ta’ John Bundy, bħala Kap Eżekuttiv tal-PBS lill-midja. Dakinhar kien qal li min jakkużah li ħa xi ħaġa għax Muscat wiegħdu qabel l-elezzjoni ‘ma jafx x’qed jgħid.’ Matul dan ix-xahar, l-ILLUM bdiet ukoll tirraporta dwar in-nuqqas ta’ ilma, n-nuqqas ta’ pjanar dwar l-ilma u anke r-riskji ta’ xitwa oħra xotta f’termini agrikoli u anke ekonomiċi.

Matul dan ix-xahar, l-ILLUM żvelat kif l-investigazzjoni dwar il-fond tal-Korp tinstab konkluża, li parti mill-qabda kbira ta’ droga kokaina f’Malta kienet destinata lejn is-suq Għawdxi b’mod partikolari għall-festi. Staqsejna lil nies fl-irħula jaqblux ma’ bini għoli, trattajna l-bojkott propost minn Martin Scicluna kontra ta’ Tumas u Gasan, interess Brittaniku lejn Malta wara l-vot Brexit u l-politika għall-protezzjoni ta’ priġunieri trans.

Settembru

Settembru, l-ILLUM bdietu billi rrappurtat kif mistenni jerġa’ jirxoxta l-proġett tal-Metropolis, wara snin f’limbu totali, bi proposti diversi, fosthom waħda ta’ torri ta’ 50 sular. Sorsi li tkellmu mal-ILLUM qalu li d-disinn rebbieħ għall-proġett kien dak tal-arkitett Olandiż Erik Von Egerat. Żvelajna kif il-Franġiskani t’Għawdex se jieħdu kwazi tlett kwarti ta’ miljun għal esproprijazzjoni ta’ biċċa art, analizzajna l-ewwel xhur ta’ Josè Herrera bħala Minstru tal-Ambjent u għamilna eżerċizzju li kkalkula l-kont fl-ewwel jiem tal-iskejjel għal kull wild, fost l-oħrajn.

Żvelajna kif Muscat kien qed jagħmel lobbying qawwi biex in-nomina ta’ Leo Brincat fil-Qorti tal-Awdituri tal-UE tgħaddi, analizzajna l-istess nomina fid-dettall, żvelajna kif is-self għall-proprjetà mill-banek żdied b’7% u trattajna ħajja sana u d-dieti.

Tkellimna ma’ tal-vannijiet dwar il-miżati li jitolbu u komplejna l-artikli dwar il-kirjiet mingħand il-privat.

Ottubru

L-ILLUM bdiet ix-xahar billi żvelat kif xquq serji fin-negozjati mal-Alitalia se jwasslu biex il-Prim Ministru Joseph Muscat iwaqqaf l-istess negozjati, xi ħaġa li għadha mistennija li tiġri fiż-żmien li ġej. Fil-jum ta’ qabel il-baġit, l-ILLUM żvelat kif minn għada se ssir illegali li tpejjep fil-karozza fil-preżenza tat-tfal, filwaqt li kienet l-aktar gazzetta li żvelat dettalji mill-baġit li kien se jitħabbar l-għada. Fl-aħħar tax-xhar, l-ILLUM irrapurtat bi prominenza t-talba ta’ żieda ta’ €950 fil-paga minima hekk kif proposta minn 16-il għaqda.

Matul Ottubru trattajna wkoll l-ħwienet tal-massaġġi, il-Facebook u l-ħajja soċjali, inżilna Buġibba u staqsejna dwar il-Moskea u analizzajna d-diskors ta’ Simon Busuttil fuq il-Fosos lejliet l-Indipendenza u laqqamnieh diskors ta’ Soċjalist. Qabbilna l-iżbalji tattiċi, politiċi tal-passat ma’ dawk tal-preżent  u analizzajna fid-dettall il-baġit. Għamilna t-tielet stħarriġ dwar it-trasport pubbliku li wera li għad hemm element ta’ nuqqas ta’ sodisfazzjon fit-trasport pubbliku, għalkemm kien innotat ukoll progress kontinwu fir-rispons li qed nirċievu bħala gazzetta.

Novembru

Fil-bidu ta’ Novembru, l-ILLUM żvelat kif qed isir bejgħ illegali tal-kmamar tal-Armier permezz ta’ tpartit jew taħt il-‘kappa’ ta’ ħlas ta’ dejn. Storja ta’ kif tagħmel il-profitt minn illegalità. Żvelajna kif Ċensu Galea se jkun kandidat fuq Għawdex u komplejna nirrapurtaw u nieħdu opinjonijiet diversi dwar żiefa fil-paga minima.                                 

F’intervista esklussiva, il-Ministru t’Għawdex jiċħad li hu għamel xi forma ta’ pressjoni biex il-futboler Bogdanovich jinħeles minn taħt l-arrest, storja żvelata fuq il-gazzetta MaltaToday u li wasset għal inkjesta li kkonfermat dak li qal Refalo mal-ILLUM. Irrapurtjana protesti u intervistajna lil Deborah Schembri dwar il-masterplan ta’ Paceville, kif ukoll żvelajna kif is-sit magħżul għal Buskett ‘żgħir’ huwa fl-Imtaħleb.

Irrapurtajna dwar il-każ ta’ abbuż fil-Liċeo tal-Ħamrun, u r-rabja għad-deċiżjoni li tat żewġ siġġijiet lill-PN u ftaħna kaxxa ta’ Pandora meta bdejna diskussjoni dwar il-ħlas lill-PRS, storja li bqajna nsegwu għal erba’ ġimgħat. Kellimna lil Kirsten Dalmas dwar is-saħħa fiżika, irrapurtajna dwar kif parkers ma jiddikjarawx id-dħul tagħhom u li TM mhux se toħroġ aktar liċenzji għalihom, analizzajna l-liġi ta’ koabitazzjoni u għamilna analiżi estensiva tal-elezzjonijiet fl-Istati Uniti.

Żvelajna wkoll kif l-Għaqda Patrijotti Maltin ħerġin għall-elezzjoni b’kandidat fuq kull distrett.

Diċembru

L-aħħar xhar tas-sena bdejnieh billi bħala gazzetta dħalna fid-dettalji tar-rapport tal-awditur f’dak li jirrigwarda ‘frejjeġ fl-armata’ fl-aħħar ħames snin. Direct orders mhux approvati, kuntratti perpetwi, nuqqas ta’ trasparenza u kumbinazzjonijiet, li kienu żvelati fir-rapport.  

Żvelajna wkoll kif l-imsieħba soċjali, fil-magħluq, qablu li jippreferu żieda u reviżjoni fil-COLA minflok żieda ta’ €950 fil-paga minima. Irraportajna esperjenzi ta’ qraba ta’ priġunieri u intervistajna lil Freddie Portelli wara li ngħata Ġieħ ir-Repubblika, u żvelajna kif se jsirlu monument.

Matul dan ix-xahar irrapurtajna l-emails bejn Evarist Bartolo u l-eks CEO tal-FTS Philip Rizzo u l-hijack, nhar lejliet il-Milied, bħal gazzetti lokali kollha.

Nota Editorjali: Nirringrazzjaw lill-qarrejja kollha tagħna, speċjalment l-eluf li jsegwuna fuq is-sit illum.com.mt tal-inkoraġġiment u l-appoġġ kbir li tawna matul din is-sena. Nwegħduhom aktar stejjer li jolqtu lilhom u lil pajjiżhom, stejjer mit-toroq u minn fost in-nies u stejjer li jagħmlu xi forma ta’ differenza.

Grazzi mit-tim tal-ILLUM: Albert Gauci Cunningħan, Veronica Lynn Mizzi, Ruben Anthony Xuereb u John Busuttil 

More in Socjali