Is-sens ta' ġenerożità li tant huwa magħruf għalih il-poplu Malti, kompla jirrenja anke mal-bidu ta' din is-sena hekk kif inġabru ftit inqas minn miljun ewro b'risq id-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi.
€980,911 ġew miġbura waqt il-Festa ta’ Ġenerożità organizzata tul il-ġurnata tal-bieraħ b’risq id-Dar tal-Providenza. Fil-fatt, kienu bosta persuni li marru bi ħġarhom biex jagħtu d-donazzjoni tagħhom taħt tinda li ntremat apposta quddiem l-istess dar fis-Siġġiewi. Dan waqt li kien hemm eluf oħrajn li ddeċidew li jagħtu l-kontribut tagħhom permezz tad-donazzjonijiet bit-telefon. Dan minbarra ġabriet speċjali li saru fil-parroċċi kollha fl-ewwel jum tas-sena.
Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, qal li din il-Festa ta’ Ġenerożità bħal dejjem uriet il-qalb kbira tal-poplu Malti u Għawdxi li għal darb’oħra wera solidarjetà u ġenerożità mad-Dar. Huwa qal li dawn il-fondi se jgħinu biex id-Dar tkompli tagħti ħajja xierqa u dejjem aħjar lir-residenti tagħha. Huwa irringrazzja lill-awtoritajiet ċivili u politiċi għall-appoġġ tagħhom kif ukoll lill-mijiet ta’ voluntiera li ħadu sehem fl-organiżżazzjoni tal-Festa ta’ Ġenerożità.
L-Arċisqof Charles J. Scicluna li ċċelebra quddiesa fil-kappella tad-Dar tal-Providenza qal li l-ispiża hi ta' mitt ewro kuljum għal kull resident li għandha d-Dar.
Dan jiġi wara li inqas minn ġimgħa qabel waqt l-Istrina, inġabru iktar minn 5.5 miljun ewro.