Jibdew jitwaqqgħu l-gabbani ta' Bieb il-Belt

Mil-lum, il-gabbani fid-daħla tal-belt għalqu sabiex jagħmlu spazju għal Pjazza Tritoni

It-twaqqigħ fuq diversi gabbani fid-daħla tal-belt diġà beda
It-twaqqigħ fuq diversi gabbani fid-daħla tal-belt diġà beda

Jekk wieħed jidħol il-belt illum u jkollu aptit xi mqaret jew pasti, żgur ma jistax jakkwistahom minn xi waħda mill-gabbani li wieħed jista' jsib mad-dawra tal-funtana tat-Tritoni.

Fil-fatt, dawk li daħlu l-Belt illum setgħu jinnutaw li l-gabbani li hemm, kienu kollha magħluqa, u tneħħew il-bejjiegħa kollha sabiex jagħmlu spazju għar-riġenerazzjoni ta' Pjazza Tritoni, sabiex finalment tingħata dehra dinjituża għad-daħla tal-Belt.

Uħud mill-gabbani, saħansitra bdew jitwaqqgħu wara li ġew żgumbrati. 

Dan kollu sabiex tinbidel id-dehra tal-pjazza ta' qabel ma wieħed jidħol fil-belt kapitali, wara li għal snin twal kienet ilha mitluqa u fi stat diżastruż, li xejn ma jagħmel ġieħ lid-daħla ta' belt kapitali li fi żmien sena se tkun qed tingħata t-titlu ta' Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura.

Bejjiegħa tal-gabbani jżarmaw u jbattlu l-gabbani tagħhom mix-xogħol li kellhom fihom
Bejjiegħa tal-gabbani jżarmaw u jbattlu l-gabbani tagħhom mix-xogħol li kellhom fihom

Jirriżulta li tneħħew minn dan il-post, mhux biss il-gabbani li huma armati permanentament fil-pjazza iżda anke dawk li jarmaw u jżarmaw il-bejgħa tagħhom ta' kuljum, fejn uħud minnhom ma tantx dehru kuntenti b'dan.

Dan kollu huwa parti mill-proġett għar-riġenerazzjoni ta' Pjazza Tritoni, li kienet żvelat din il-gazzetta, fejn kien intqal kif dawn il-gabbani se jiġu żgumbrati, u se jkunu qed jintramaw għaxar gabbani, hekk kif jintemmu x-xogħlijiet fl-istess pjazza.

Dan is-sit tkellem ma' diversi xufiera tat-taxis li kienu qegħdin fil-post, fejn sostnew li huma wkoll se jkunu qed jiġu rilokati u jingħataw post alternattiv qrib l-istess pjazza, iżda la jafu meta u lanqas fejn.

Gabbani magħluqin...
Gabbani magħluqin...

More in Socjali