‘Flimkien neħilsu mill-injoranza u l-biża'...'

Il-President Marie Louise Coleiro Preca appellat liż-żgħażagħ biex jaħdmu flimkien għal aktar għaqda u paċi f'Malta

F’diskors li għamlet il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca, aktar kmieni dalgħodu fil-palazz ta’ Sant Anton, hija appellat sabiex iż-żgħażagħ jaħdmu flimkien għal “għaqda u l-paċi f'Malta”

Il-President qalet dan lil grupp ta’ żgħażagħ mill-‘Baden Powell Scout Group’ waqt ċerimonja li fiha ntlaqgħet hawn Malta il-fjamma tal-paċi ta’ Betlehem, li bħala parti mill-vjaġġ tagħha madwar id-dinja, inġiebet Malta minn Sqallija minn dan il-grupp scouts.

Il-fjamma ta’ Betlehem, li hija simbolu ta’ paċi, imħabba u tjubija, ttieħdet mid-“Dawl tal-Paċi ta’ Betlehem”, li hija fjamma li tinsab fil-knisja tan-natività f’Betlehem stess u jinhad li ilha taqbad mingħajr qatt ma battiet għal sekli sħaħ.

Il-President Coleiro Preca, irringrazzjat l-iscouts tal-inizjattiva tagħhom  li jwasslu din il-fjamma f’pajjiżna, hekk kif qaltilhom li “l-paċi hija bħal fjamma u li aħna qisna xemgħat. Flimkien nistgħu nixgħelu pajjiżna u neħilsuh mid-dalma li jġibu l-injoranza u l-biża’...”

Il-President inkuraġġat lil dawk preżenti biex ikunu mexxejja u jiprattikaw l-inklużjoni bejn il-ħbieb, il-familja u l-komunità u jaħdmu id f’id għal aktar għaqda u paċi f'Malta.

More in Socjali