Tħabbret il-mewt ta’ Lino Bugeja fl-eta ta' 86 sena. Dawn l-aħħar snin, Lino Bugeja kien l-aktar magħruf bħala dak li waqqaf u li kien imexxi l-assoċjazjoni tar-Ramblers Malta, u li flimkien ma’ din l-assoċjazzjoni u għaqdiet oħra favur l-ambjent, kien semma leħnu dwar ħafna kwistjonijiet ambjentali f’Malta.
Fi żmienu, Bugeja kien atleta, footballer, coach, u ġurnalist sportiv. Fil-fatt huwa kien l-ewwel atleta li rrapreżenta lill-pajjiżna fil-Logħob tal-Mediterran fis-snin ħamsin.
Huwa kien wkoll is-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Olimpiku Malti bejn l-1972 u l-1980, u kien l-ewwel direttur tal-Akkademja Olimpika Maltija. Huwa ddaħħal fil-Hall of Fame tal-Kumitat Olimpiku Malti fl-2008.
Huwa ħadem ħafna ukoll biex jitkattar il-ġid fil-futbol Malti fi żmien meta kien ko-fundatur taċ-Ċentru Sports Edukattiv u kien anki eks-membru ta’ diversi Bordijiet u Kumitati tal-MFA, inkluż il-Bord Tekniku.
Lino Bugeja kien ukoll kittieb ta' diversi kotba u artikli. Kellu għall-qalbu l-post tat-twelid tiegħu, il-Birgu u l-istorja tiegħu.Huwa kiteb diversi kotba tal-istorja kif ukoll artikli dwar din il-Belt li tant kien iħobb.
Bugeja ħalla jibkuh lil uliedu Christopher u Nadia, oħtu Hilda Duncan, bosta neputijiet, qraba u ħbieb, flimkien mal-għaqdiet ambjentali u sportivi kollha li kien involut fihom.