'Ningħaqdu biex nipproteġu l-għasafar'

BirdLife Malta qed issejjaħ lill-federazzjoni tal-kaċċaturi biex tħares ’il quddiem u tingħaqad magħha biex flimkien jipproteġu l-għasafar...

BirdLife Malta qed issejjaħ lill-federazzjoni tal-kaċċaturi biex tħares ’il quddiem u tingħaqad magħha biex flimkien jipproteġu l-għasafar.

Iż-żjara taċ-Ċinji f’Malta wriet li l-parti l-kbira tal-Maltin u l-Għawdxin japprezzaw in-natura u jridu jgawduha mingħajr ma b’xi mod jagħmlulha l-ħsara. BirdLife Malta tinnota li anke nies li s-soltu joħorġu għall-kaċċa f’dan il-każ apprezzaw is-sbuħija naturali tal-għasafar ħajjin. Dan jista’ biss jawgura tajjeb għall-interess komuni ta’ pajjiżna. Filwaqt li hija xi ħaġa minn ewl id-dinja li n-nies iridu jitimgħu liċ-Ċinji, BirdLife Malta riedet tenfasizza r-riskji marbutin ma’ dan u li l-ħobż għandu jiġi evitat kemm jista’ jkun.

Bl-għajnuna u l-assistenza professjonali tal-veterinarju tad-WBRU, ġiet stabbilita proċedura biex iċ-Ċinji jingħataw l-ikel u li għandha tgħinhom biex jerġgħu jieħdu saħħithom u jtellgħu biżżejjed enerġija biex ikunu f’pożizzjoni li jkomplu bil-vjaġġ tagħhom. Eventwalment il-kwantità tal-ikel li qed jingħataw tibda titnaqqas bil-mod il-mod bl-iskop li l-għasafar jiġu stimulati jfittxu postijiet oħra fejn jieklu u possibbilment ikomplu jpassu. Dan l-intervent kien meħtieġ biss għax il-gżejjer tagħna ma jipprovdux il-ħabitat ideali għal tajr bħal dan. Sadanittant, il-ferħ li kien iżolat għalih waħdu, issa jinsab lura mal-kumplament taċ-Ċinji.

BirdLife Malta kienet fuq il-post mill-ewwel ġurnata li waslu ċ-Ċinji u kienet sodisfatta ħafna bl-azzjoni immedjata li ttieħdet mill-Wild Birds Regulation Unit (WBRU); mid-Dipartiment tal-Veterinary Regulation fi ħdan il-Ministeru għall- Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima; u mill-Pulizija ta’ Għawdex biex tkun assigurata s-sigurtà ta’ dawn l-għasafar mingħajr ma l-pubbliku jiġi mċaħħad fl-ebda ħin milli jgawdi dawn l-għasafar.

Bħala parti mill-BirdLife International – li hija l-akbar sħubija ambjentali internazzjonali fid-dinja – f’ċirkostanzi bħal dawn BirdLife Malta tinsab f’pożizzjoni li tikseb għajnuna immedjata u professjonali. Fid-dawl ta’ dan, aħna dejjem lesti biex nikkollaboraw ma’ kulħadd, inkluż mal-kaċċaturi, u biex nassistu lill- awtoritajiet.

More in Socjali