Żieda ta' 8% fil-passiġġieri lejn Għawdex fl-2016

L-aktar ġranet impenjati fiċ-Ċirkewwa kienu l-Ġimgħa u s-Sibt, filwaqt li mill-Imġarr, kien hemm l-iktar nies is-Sibt u l-Ħadd

In-numru ta' persuni li żaru l-gżira Għawdxija matul l-2016 żdied bi 8.3% matul l-2016 meta mqabbel mal-2015. Ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru kif matul l-2016, in-numru ta' passiġġiera li qasmu bejn Malta u Għawdex kien ta' 393,323 iktar mis-sena ta' qabel. 

Ġie rreġistrat titjib ukoll fl-ammont ta' vetturi li qasmu l-fliegu, hekk kif kien hemm żieda ta' 8.2% fuq is-sena ta' qabel jew 110,612-il vettura iktar.

L-akbar numru ta' passiġġiera matul l-aħħar kwart tas-sena deher ġie reġistrat f'Ottubru, hekk kif inġarru 454,022 persuna jew kważi 39% tal-aħħar erba' xhur.

In-numru ta' vjaġġi fl-aħħar kwart tas-sena wkoll raw żieda, b'401% meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena ta' qabel.

Bħal kull sena, Awwissu kien l-aktar xahar impenjattiv għall-Gozo Channel b'2,178 vjaġġ bejn Malta u Għawdex, u kien hemm ukoll l-akbar numru ta' karozzi u passiġġiera li qasmu tul is-sena, b'156,192 u 582,264 rispettivament.

Fl-2016, l-aktar ġranet impenjati fiċ-Ċirkewwa kienu l-Ġimgħa u s-Sibt, filwaqt li mill-Imġarr, kien hemm l-iktar nies is-Sibt u l-Ħadd.

More in Socjali