Bħala parti mill-proġett ta’ tisbiħ għad-daħla tal-Belt Valletta u Pjazza Tritoni, il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar approva wkoll xogħolijiet ta’ tisbiħ fil-biċċa ta’ quddiem tal-foss, taħt id-daħla tal-Belt.
Ix-xogħolijiet fil-foss se jinkludu l-ħolqien ta’ ġnien li se joffri aktar ħdura, bl-istess mod ta’ kif hemm fil-foss tal-Imdina, u numru ta’ “pjazzetti” miftuha, magħmulin minn pavimentar tal-ġebel tal-aħrax.
Se jkun hemm ukoll aċċess f’forma ta’ trejqa li minnha tgħaddi vettura waħda, bejn il-parkeġġ fid-daħla prinċipali u l-‘ Lascaris war rooms’.
Is-Supretindent għall-Kultura qabel li jsir dan il-proġett bħala bilanċ li se jinħoloq bejn żoni ta’ ħdura u spazji miftuħin li jżidu l-esperjenza ta’ aprezzament tal-fortifikazzjonijiet tal-Belt, kemm meta wieħed iħares lejhom minn ġol foss, minn pjazza Tritoni jew minn fuq il-pont li jagħti għad-daħla tal-Belt.