Ħruġ ta' żejt fil-Bajja tar-Rinella

ERA għaddejja b'investigazzjoni sabiex tikkonferma jekk kienx hemm żoni oħra li ġew affetwati b'dan it-tixrid

L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi qalet li rċeviet rapport ta' tixrid ta' żejt fil-Bajja tar-Rinella fil-Kalkara, u għaldaqstant bagħtet uffiċjali fuq il-post sabiex janalizzaw l-inċident.

Fi stqarrija, l-Awtorità qalet kif infurmat lil Transport Malta u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili dwar il-każ, li huma l-awtoritajiet kompetenti fi kwistjonijiet ta' tixrid ta' żejt fil-baħar.

Minħabba f'hekk, it-tindif ta' dan iż-żejt jinsab għaddej, waqt li TM qalet li dan it-tixrid kien ta' diesel. L-Awtorità qalet ukoll li ż-żejt miġbur intbagħat f'faċilità apposta sabiex jiġi trattat, filwaqt li għaddejja b'investigazzjoni sabiex tikkonferma jekk kienx hemm żoni oħra li ġew affetwati b'dan it-tixrid.

More in Socjali