'Ħafna mill-applikanti għall-ażil is-sena l-oħra, waslu Malta b'mezzi legali'

Il-Kummissarju għar-Refuġjati, Martine Cassar qalet lis-sena l-oħra li kien hemm ftit immigranti bil-baħar, u minflok ġew b'viżas jew mezzi legali

.
.

"Persentaġġ kbir tal-persuni li applikaw għall-ażil f'Malta matul is-sena li għaddiet, waslu Malta permezz ta' mezzi legali jew permezz ta' viża." Dan qalitu l-Kummissarju għar-refuġjati f'Malta, Martine Cassar li sostniet li minħabba li n-numru ta' immigranti li waslu pajjiżna bil-baħar naqas ħafna, dan ifisser li numru kbir ta' persuni li applikaw għall-ażil mal-Kummissjoni tar-Refuġjati matul l-2016, kienu waslu fil-pajjiż b'mod legali jew għaliex kellhom viża. Dan qalitu fil-programm ta' diskussjoni Xtra tal-bieraħ, fuq TVM immexxi minn Saviour Balzan, fejn Cassar żiedet tgħid li ħafna minn dawn l-applikanti fil-fatt kienu ġejjin minn pajjiżi bħal-Libja u s-Sirja. 

Il-kummenti tal-Kummissarju għar-refuġjati Cassar, jaslu jiem wara li l-gazzetta ILLUM, f'intervista mal-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Carmelo Abela qal kif l-immigranti f'pajjiżna m'għadhomx jiġu Malta bil-baħar fuq dgħajsa se taqa' u ma taqax kif kien ilu jsir għal diversi snin, imma qed jidħlu bl-ajru u mezzi legali oħra, filwaqt li żied jgħid li l-applikazzjonijiet għall-ażil fil-fatt żdiedu bi 33% fuq is-sena ta' qabel.

Il-Kummissarju għar-Refuġjati, Martine Cassar waqt il-programm Xtra fuq TVM
Il-Kummissarju għar-Refuġjati, Martine Cassar waqt il-programm Xtra fuq TVM

Tul il-programm Xtra, Martine Cassar tkellmet ukoll dwar it-tfal li twieldu f'Malta u huma wlied ta' immigranti li kellhom l-istatus ta' refuġjat, jew l-ażil tagħhom miċħud, u qalet li jekk dawn japplikaw mal-Kummissjoni, ukoll se jiġu miċħuda, minkejja li effettivament twieldu f'Malta. Spjegat kif il-Kummissjoni għandha x'taqsam biss ma' persuni li jkunu ġejjin minn pajjiżi oħra, u mhux ma' persuni li jkunu twieldu f'Malta. Minkejja dan, qalet kif jekk dawn japplikaw, jingħataw l-istess tip ta' status li għandhom il-ġenituri - allura jekk il-ġenituri ġew rifjutati, l-istess se jsir mal-ulied. Dwar jekk dawn hux se jiġu offruti protezzjoni mill-Istat, Cassar ma kkummentatx minħabba li dan ma jaqax taħt l-uffiċċju tagħha.

More in Socjali