
‘Ma nixtieqx niftaħ il-Ħadd, imma jekk jiftaħ kulħadd, bilfors ikolli’
l-ILLUM żaret numru ħwienet meqjusa bħala ‘negozji żgħar’ li s-sidien tagħhom qalu kif id-deċiżjoni li jiftħu l-Ħadd se tkun qed taffetwahom ftit jew xejn. Dan hekk kif minn 20 ħanut, l-ebda wieħed minnhom mhu lest li jiftaħ fil-Ħdud.
minn Veronica Lynn Mizzi

“Lili mhux se tagħmilli differenza għax xorta m’iniex se niftaħ fil-Ħdud.” Din kienet ir-risposta tal-maġġoranza tal-ħwienet li dan is-sit tkellem magħhom, li qalu x’jaħsbu dwar ir-riforma fil-liġi tal-ħwienet, li se tippermettilhom li jiftħu wkoll il-Ħdud.
Eżerċizzju li għamlet l-ILLUM fost ħwienet meqjusa bħala ‘negozji żgħar’, fosthom grocers u ħwienet tax-xagħar, wera kif din id-deċiżjoni se tkun qed taffetwa lill-ħwienet ftit jew xejn. Dan hekk kif mill-20 ħanut li żaret l-ILLUM fil-lokalità tar-Rabat, l-ebda minnhom mhu lest li jiftaħ fil-Ħdud.
Iktar kmieni din il-ġimgħa, tħabbar li ħwienet se jkunu permessi li jiftħu nhar ta’ Ħadd mingħajr bżonn ta’ applikazzjonijiet jew liċenzji speċjali, kif inhi s-sitwazzjoni fil-preżent fejn sid ikollu jħallas €700 biex jiftaħ nhar ta’ Ħadd. Jekk jiftaħ il-Ħadd, però, il-ħanut jeħtieġ jiddeċiedi li f’waħda mill-ġranet l-oħra tal-ġimgħa ma jiftaħx. Imma jekk xorta jiddeċiedi li jagħmel dan, u għaldaqstant jiftaħ sebat ijiem fil-ġimgħa, dan ikollu jħallas permess speċjali li se jkun jiswa €700 fil-ġimgħa.
F’dik li l-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona ddeskriva bħala ‘bidla radikali,’ ħanut li qabel ma kellux permess jiftaħ fil-Ħdud u l-festi pubbliċi, issa jista’ jagħmel dan dejjem, minbarra fil-Ġimgħa l-Kbira, waqt li għandu l-possibbiltà li jestendi l-ħinijiet li fihom jiftaħ bejn il-Ħamis u s-Sibt, meta jista’ jiftaħ sal-10 ta’ filgħaxija.
L-ILLUM, għaldaqstant, marret ir-Rabat lokalità b’żona ta’ kummerċ imdaqqsa, b’numru konsiderevoli ta’ ħwienet u staqsiet lil dwar din ir-riforma u kif se tkun qed taffetwahom. Il-ħwienet, li fin-natura tagħhom kienu jvarjaw minn ħwienet tal-ħwejjeġ, għal ħwienet tal-merċa, tal-ħaxix u anke hairdressers, fil-maġġoranza assoluta tagħhom qalu li din ir-riforma mhix se tkun qed taffetwahom għaliex huma xorta waħda ma jixtiqux jiftħu fil-Ħdud ukoll.
Argument komuni fost diversi sidien ta’ ħwienet kienet li s-sid, u bħalu wkoll il-ħaddiem, jeħtieġ li jkollu l-ġurnata tal-mistrieħ tiegħu li jkun jista’ jqattagħha mal-familja. Bosta kienu dawk li argumentaw li meta huma jkunu s-sidien tal-ħanut, ftit li xejn ikollhom ċans jieħdu ġranet ta’ mistrieħ, u allura jemmnu li l-Ħadd u l-festi pubbliċi għandhom jibqgħu hekk. Dan anke fid-dawl tal-fatt li llum il-ġurnata, kważi l-ħwienet kollha qegħdin jiftħu tul il-ġimgħa kollha mit-Tnejn sal-Ħadd fil-perjodu tal-festi tal-Milied.
Sid partikolari ta’ ħanut tal-merċa qal li hu żgur li mhux se jkun qed jiftaħ il-Ħdud, filwaqt li rrimarka li minkejja li ma kinux permessi li jiftħu, numru ta’ ħwienet xorta waħda fetħu saħansitra f’jum il-Milied. Għaldaqstant, appella sabiex minbarra li jsiru r-riformi u t-tibdiliet, ikun hemm min fil-verità jkun qed jiċċekkja u jikkonferma li l-ħwienet fil-fatt ikunu qed iżommu mar-regoli.
Sid ta’ ħanut tal-ħwejjeġ fir-Rabat qajmet punt interessanti, li iktar tard qablu miegħu diversi sidien oħra. Din qalet kif minkejja li hi tħoss li m’għandhiex tiftaħ, u għalissa hekk se tkun qed tagħmel, dan se jkun qed jaffettwa bil-kbir il-kompetizzjoni tal-ħanut tagħha. Qalet kif kollox jiddependi minn dak li se jkunu qed jagħmlu ħwienet oħra, u hi jkollha timxi ma’ dak li tagħmel il-maġġoranza. “Jien ma nixtieqx niftaħ il-Ħadd għax nemmen li għandha tkun ġurnata ta’ mistrieħ, imma jekk jispiċċa jiftaħ kulħadd ir-Rabat, x’ħa nagħmel? Inkun l-unika waħda li ma niftaħx?” sostniet din is-sid. Kompliet tgħid kif jekk dan jispiċċa jkun il-każ, hi jkollha tiftaħ kull ġurnata tal-ġimgħa, u b’konsegwenza ta’ dan xorta waħda trid tħallas is-€700 liċenzja speċjali biex tagħmel dan.
Fil-fatt, sid ta’ ħanut ieħor ukoll semma din il-problema, iżda insista li kieku hu, xorta waħda ma jiftaħx il-Ħadd, anke jekk il-ħwienet ta’ madwaru jiftħu l-bibien tagħhom.
Hawnhekk tidħol il-kwistjoni tad-domanda, li għadd ta’ sidien tkellmu dwarha. Sid ta’ ħanut tal-ħwejjeġ qal li ma jarax li hemm il-bżonn li jiftħu l-Ħadd, u fil-fatt hu mhux se jkun qed jagħmel dan. Iżid jgħid li mhux vijabbli li ħanut jiftaħ il-Ħadd għaliex m’hemmx id-domanda għal dan mill-pubbliku Malti, kuntrarjament għal dak li jiġri f’pajjiżi oħra, għaliex fi kliemu, “il-Maltin draw hekk.” Hu jsostni li minbarra fi żmien il-Milied, ftit wisq huma dawk in-nies li jfittxu li jagħmlu x-xirjiet tagħhom nhar ta’ Ħadd.
Mill-persuni li tkellmu ma’ din il-gazzetta, il-maġġoranza assoluta kienu huma stess is-sidien tal-ħwienet u kienu bosta dawk li esprimew id-diżappunt tagħhom għal dawn ir-regoli li se jaffettwaw il-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet.
Persuna li għandha ħanut tal-annimali jinsisti li la hu s-sid u m’għandux impjegati li jiddependu minnu, jħoss li għandu jitħalla jiftaħ il-ħanut tiegħu meta jrid hu, għaliex fuq kollox, l-għajxien tiegħu jiddependi minnu stess.
Sid ieħor li tkellem fuq l-istess kwistjoni, minkejja li qal li hu għandu permess biex jiftaħ anke fil-Ħdud minħabba n-natura tal-prodotti li jbigħ, qal li ma jħossx li hija ġusta li jkun hemm restrizzjonijiet dwar il-ħinijiet u l-ġranet tal-ftuħ tal-ħwienet tagħhom. Iżid jargumenta li hu safrattant, ikollu jħallas il-kera tal-ħanut kuljum, u mhux meta jiftaħ biss, “allura għalfejn m’għandix niftaħ meta rrid?” iżid jistaqsi s-sid.
Persuna oħra, fil-fatt tqabbel lil pajjiżna ma’ pajjiżi oħra lil hinn minn xtutna u tgħid kif dawn it-tip ta’ regoli u restrizzjonijiet jeżistu biss f’pajjiżna għaliex f’pajjiżi oħra, anke Ewropej issib ħwienet li saħansitra ma jagħlqu qatt u jiftħu sebat ijiem fil-ġimgħa, 24 siegħa kuljum.
Meta tidħol il-kwistjoni tal-impjegati tagħhom, ħafna mis-sidien li tkellmu magħna, jgħidu li iktar u iktar ma jaqblilhomx li jiftħu fil-Ħdud, għaliex ikollhom iħallsu lill-ħaddiema tagħhom bid-doppja u allura, jkomplu jżidu mal-ispejjeż li jkollhom jaffaċjaw, “allura ma jiġi jaqblilna xejn li niftħu l-Ħadd, kieku,” iżżid tgħid sid ta’ ħanut tal-merċa.
L-istess sid tal-ħanut tal-merċa qalet li żgur ma jaqblilhiex li tiftaħ il-Ħadd, għaliex mhux lesta li imbagħad ma tkunx tista’ tiftaħ waħda mill-ġranet ta’ matul il-ġimgħa, jew inkella saħansitra tħallas €700. “Kemm-il €700 jaħsbu li qed nagħmlu?” tilmenta s-sid. Iżżid tgħid ukoll li għaliha, il-ħanut mhux sejjer tajjeb minħabba li, “dawn iċ-chains barranin, qed jispiċċaw ikissruna lilna l-Maltin tan-negozji ż-żgħar.”
Id-diskussjoni dwar il-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet, inkluż il-ftuħ nhar ta’ Ħadd kienet ilha għaddeja għal żmien twil, iżda kien biss din il-ġimgħa li fil-fatt tħabbar li se ssir din il-bidla.