Ġustizzja wara 16-il sena jistenna

...ħadulu l-proprjetà, taw kumpens lil ħaddieħor u wara 16-il sena se ssir ġustizzja miegħu

Ġustizzja ma' Edgar Farrugia...wara 16-il sena
Ġustizzja ma' Edgar Farrugia...wara 16-il sena

Sittax-il sena wara li l-proprjetà ta’ Edgar Farrugia u familtu kienet rekwiżizzjonata, 10 snin wara li d-Dipartiment tal-Artijiet (Lands) ‘bi żball’ għadda l-kumpens għall-istess proprjetà lil terzi, tliet snin wara li l-istess Dipartiment ammetta li ‘sar żball’ u sena wara li l-ILLUM żvelat dan il-każ, sa fl-aħħar se ssir ġustizzja. 

Fil-fatt, l-ILLUM tista’ tiżvela illi s-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissarju tal-Artijiet, għadha kif tat struzzjonijiet biex Edgar u l-familja Farrugia jirċievu kumpens għall-proprjetà li kellhom il-Belt Valletta.

Il-każ ta’ Farrugia kixef taħwida nobis li seħħet fl-2005 u li grazzi għaliha l-familja Farrugia ilha tistenna kumpens għall-proprjetà li kienet tagħha mill-1999.

Fl-2005, minn wara dahar il-familja Farrugia u f’temp ta’ 24 siegħa sar bejgħ u trasferiment lill-Gvern ta’ din il-proprjetà, bil-Lands jgħaddu l-kumpens dovut lill-familja Farrugia lill-kumpanija ta’ kuntratturi lokali.

F’April 2014 l-Lands ammetta li ‘sar żball’ meta l-ħlas ta’ kumpens ingħata lil din il-kumpanija minflok lil Farrugia.

Mal-ILLUM Schembri żvelat kif hija talbet illi l-familja Farrugia tingħata l-kumpens li ilha tistenna 16-il sena u li ‘nsterqilha’ 10 snin ilu. ‘Jien tajt struzzjonijiet ċari biex, minkejja kawża li se jiftaħ il-Gvern kontra l-kumpanija li ngħatat il-kumpens, ma’ Farrugia tkun irranġata l-inġustizzja li saret u li hemm ammisjoni ċara mid-Dipartiment li saret.’

 

‘Għalija din hija rebħa għax bdiet issir ġustizzja miegħi’

Il-Gvern se jiftaħ kważa kontra l-kumpanija li ngħatat il-kumpens minflok Farrugia

Mal-ILLUM Farrugia ddeskriva din id-deċiżjoni bħala ‘rebħa kbira. Bdiet issir ġustizzja miegħi u ma’ familti, sa fl-aħħar. It-triq għad fadlilha, imma kuntenti li wasalna s’hawn’

Intant mal-ILLUM Schembri ħabbret ukoll illi l-Gvern se jkun qed jiftaħ kawża kontra l-kumpanija li ngħatat l-kumpens minflok Farrugia. ‘Aħna tlabna laqgħat ma’ din il-kumpanija biex nippruvaw naslu għall-qbil barra l-Qorti, iżda minn naħa tagħhom ma kkoperawx u ma ġewx għall-laqgħat. B’hekk, apparti l-istruzzjonijiet biex il-familja Farrugia tingħata l-kumpens, tajt struzzjonijiet ukoll biex tinfetaħ kawża kontra l-kumpanija lokali ta’ kuntratturi.’

Schembri temmet tgħid illi hi tixtieq li l-każ kien aktar spedit, imma fakkret kif każijiet bħal dawk ta’ Edgar ikun jeħtiġilhom ammont ta’ żmien biex jibdew ikunu solvuti.

Tard is-sena l-oħra l-familja Farrugia kienu fetħu protest ġudizzjarju kontra d-Direttur tal-Artijiet, il-Prim Ministru u l-Avukat Ġenerali, liema protest kien ikkontestat hekk kif il-protestati kienu qalu illi ‘l-awtorità responsabbli minn esproprijazzjonijiet huwa l-Kummissarju tal-Artijiet.’

Fl-2005 kienet valutata għal €110,284

Skont il-kuntratt ta’ ‘Tpartit ta’ Proprjetà’ li għandha f’idejha l-ILLUM, datat 30 ta’ Diċembru 2005 jidher li meta sar l-arranġament bejn Albert Mamo, f’isem il-Gvern, u l-kumpanija li ngħatat kumpens, il-valur tal-proprjetà in kwistjoni kien ilaħħaq it-€58,607 (Lm25,160). Apparti dawn, kienu miżjuda €51,677 (Lm22,165) f’danni li jmorru lura għall-1988, meta l-art ġiet rekwiżita mill-Gvern. Dan ifisser li l-prezz totali tal-proprjetà, skont l-istess kuntratt, kien ta’ €110,284.

Xtrawha u partuha f’24 siegħa minn wara dahar Farrugia

Il-proprjetà ta’ Farrugia kienet rekwiżita lura fl-1988 minħabba ‘eżiġenzi pubbliċi’ bl-akkwist ikun għall-pussess u l-użu. Sussegwentement, f’dikjarazzjoni mill-President ta’ Malta datata 29 ta’ Settembru 1999 jidher ċar li l-Gvern kien xtara l-proprjetà b’mod assolut u għalhekk kellu l-obbligu li jħallas għall-proprjetà. Madankollu, sitt snin wara jew fl-2005, sar trasferiment tal-proprjetà tal-familja Farrugia lill-Gvern mingħajr ma din il-familja anqas biss kienet taf. Minflok ingħata l-kumpens lill-familja Farrugia, il-kumpens ingħata lil terzi.

Fil-fatt skont id-dokumenti li għandha f’idejha din il-gazzetta jirriżulta wkoll li fil-fatt, il-familja Farrugia mingħajr lanqas biss kienet taf, kellha l-proprjetà tagħha trasferita darbtejn fi ftit siegħat. Darba nhar id-29 ta’ Diċembru 2005 permezz ta’ bejgħ, meta l-proprjetà flimkien ma’ oħrajn kienet mibjugħa lil kumpanija u l-għada stess, jiġifieri fit-30 ta’ Diċembru 2005 meta l-proprjetà reġgħet kienet trasferita mingħand il-kumpanija għal għand il-Gvern.

Il-proprjetà fi Triq San Nikola l-Belt Valletta għaddiet għand il-familja Farrugia f’Mejju 1960 meta Paolo Farrugia, missier Edgar, xtraha u fil-fatt hija parti mill-wirt tal-aħwa Farrugia. L-intrata tal-istess dar kienet fi Triq San Nikola waqt li kien hemm bieb fuq wara, magħruf bħala l-bieb tas-servitu bin-numru 50 li kien jagħti għal Triq Sant’Anna. Din il-proprjetà tidher fil-wirt li tħalla lill-familja Farrugia fl-1964 kif ukoll f’numru ta’ sentenzi mill-Qorti Ċivili, fosthom waħda fl-1974 li tindika lil Giuseppa Farrugia, omm Edgar, bħala l-persuna li kienet qed tikri l-istess prorpjetà fil-Belt.

 

Kronoloġija ta’ inġustizzja ta’ 16-il sena

  • Mejju 1960: Proprjetà 76 B Triq San Nikola, l-Belt Valletta tinbiegħ lil Paolo Farrugia. Fil-kuntratt jingħad li l-propjetà għandha bieb ieħor bin-numru 50 li jagħti għal Triq Sant’Anna.
  • 1964: Il-proprjetà fil-Belt Valletta flimkien ma’ oħrajn jitniżżlu fil-wirt ta’ Paolo Farrugia. Jgħaddiha lil uliedu, fosthom Edgar.
  • 1968: B’Denunzja ta’ Suċċessjoni, il-proprjetà tgħaddi għand Giuseppa Farrugia,omm Edgar, wara l-mewt ta’ żewġha. Imbagħad terġa’ tintiret mit-tfal mal-mewt tagħha fl-1968.
  • 1988: Il-Gvern b’dikjarazzjoni tal-President jakkwista din il-proprjetà biex tintuża għal skopijiet pubbliċi. L-akkwist isir fuq pussess u użu. Għalhekk riedet titħallas il-kera.
  • 1999: Il-Gvern jakkwista l-art b’xiri assolut. B’kollox jixtri 39 proprjetà. Ma’ dawn hemm ‘Premises no. 50 Triq Sant’Anna’ u ‘Premises no.76, Triq San Nikola’. It-tnejn jappartjenu lill-istess proprjetà u t-tnejn huma tal-familja Farrugia.
  • 29 ta’ Diċembru 2005: Il-proprjetà 76 u 76A jinbiegħu minn familja partikolari għal għand kumpanija permezz ta’ kuntratt ta’ bejgħ. Ma’ dan il-bejgħ, il-partijiet ftiehmu li l-kompratur (il-kumpanija) ikun assenjat id-dritt għall-kumpens mingħand il-Gvern ta’ €58,607 (LM 25,160) għan-numru 76. Il-familja Farrugia ma tafx dwar dan il-bejgħ li fih hemm inkluża l-proprjetà tagħhom.
  • 30 ta’ Diċembru 2005: L-għada stess, il-proprjetà kienet trasferita mingħand il-kumpanija lura għal għand il-Gvern permezz ta’ kuntratt ta’ tpartit. Il-Gvern iħallas b’€150,000 f’valur ta’ proprjetà u €35,400 f’somma ta’ flus bħala kumpens. Il-familja Farrugia ma taf b’xejn.
  • 2013 –Wara numru ta’ laqgħat fejn Edgar kien qed jiddiskuti l-kumpens, ikun infurmat mid-Dipartiment tal-Artijiet li hu kien irċieva somma flus u artijiet bħala kumpens. Jiċħad, u jitlob biex jara l-kuntratti fejn isib li l-ħlas sar lill-kumpanija u membri tagħha li hu ma jafx.
  • Settembru 2013 – Edgar Farrugia jibgħat ittra lid-Direttur tad-Dipartiment tal-Artijiet u jitlob spjegazzjoni ċara. Jgħid li dak li sar lilu “ma jitwemminx.”
  • 2 ta’ April 2014 – Permezz tal-avukat tiegħu, Farrugia jibgħat ittra li fiha jispjega dak li ġara u l-kuntratti li saru minn wara dahru. L-ittra titlob lid-Dipartiment biex tingħata spjegazzjoni u d-Dipartiment jirregola ruħu.
  •  8 ta’ April 2014 – Id-Dipartiment, f’ittra għan-nom tad-Direttur tikkonferma li sar żball, “meta sar ħlas ta’ kumpens lis-soċjetà (l-isem tal-kumpanija) għall-proprjetà li tappartjeni lill-klijent tiegħek
  • 3 ta’ Jannar 2016 – L-istorja ta’ Edgar Farrugia toħroġ fil-pubbliku permezz ta’ storja li dehret fuq din il-gazzetta
  • 12 ta’ Ottubru 2016 -  Il-familja Farrugia tiftaħ protest ġudizzjarju kontra d-Direttur tal-Artijiet, il-PM u l-Avukat Ġenerali. Dawn ifakkru li r-responsabilità hija tal-Kummissarju tal-Artijiet

More in Socjali