It-trasport pubbliku dejjem kien għadma iebsa. Is-servizz l-antik kien taħlita ta’ anarkija u inazzjoni li biddlet lis-sistema f’xi ftit ta’ ċajta kerha. Daħlet l-Arriva, u magħha kien hemm aspettativi m’ogħla s-sema. Il-bużullotti kellhom jispiċċaw u kellu jkollna l-aqwa sistema ta’ trasport pubbliku fl-Ewropa. Insomma, kulħadd jaf x’ġara u l-Arriva spiċċat ċajta daqs jew ikbar mis-servizz anarkija ta’ qabel, anke jekk fil-fatt tibdil pożittiv kien hemm.
Illum it-trasport pubbliku qed jitħaddem mill-kumpanija Spanjola ALESA u din, bħall-Arriva, kellha bidu iebes. Dewmien, xarabanks ma jaslux u battalji sħaħ fuq il-bus stops. Il-Ministru Joe Mizzi spiċċa f’borma tagħli u l-prospetti ma tantx dehru sbieħ.
Iżda jidher li fl-aħħar xhur irrenjat il-kalma. L-għadab jidher li naqas, l-ilmenti naqsu u anke l-frekwenza tal-istess ilmenti jidher illi naqset ukoll. L-ILLUM tiltaqa’mal-General Manager tal-Malta Public Transport (MPT), Konrad Pulè, biex tara jekk l-ilmenti naqsux għax is-servizz tjieb jew inkella għax tant xebgħu u qatgħu qalbhom jipprotestaw in-nies li lanqas jilmentaw m’għadhom.
Pulè huwa ħerqan li jitkellem mal-ILLUM dwar is-suċċessi ta’ app ġdida li saret is-sena l-oħra u li jgħid illi diġà tniżżlet minn 100,000 persuna. ‘F’madwar 100 waqfa madwar il-pajjiż għandna infrastruttura illi turi l-ħin illi fiha tkun se tgħaddi x-xarabank, xi ħaġa li qed taħdem u ntlaqgħet tajjeb ukoll. Imma din infrastruttura li tiswa l-flus,’ saħaq Pulè li spjega wkoll kif l-MPT riedet li, minflok, tmur għand in-nies u tagħti l-istess informazzjoni minn fuq il-mobile.
Fil-fatt, 100,000 persuna llum kulma għandhom jagħmlu huwa li jagħfsu buttuna u jkunu jafu f’liema ħin se jgħaddu numru ta’ xarabanks mill-eqreb waqfa minn fejn ikunu huma. ‘Dan ibiddel id-dinamika ta’ kif jiġi ppjanat vjaġġ. B’hekk persuna tkun tista’ tippjana qabel ma tkun fiżikament preżenti fuq il-bus stop.’
Tistgħu taqraw l-intervista sħiħa ma' Konrad Pulè fuq il-ħarġa t'għada tal-gazzetta l-ILLUM, li minbarra l-intervista tistgħu ukoll taqraw dwar x'jaħsbu s-sidien tal-ħwienet iż-żagħar dwar il-ftuħ nhar ta' Ħadd, kif ukoll issegwu l-aħħar aġġornamenti dwar il-każ tal-PRS, intervista ma' Ian Borg u l-aħħar żviluppi dwar l-inġustizzja li sofra Edgar Farrugia għal dawn l-aħħar 16-il sena