L-akbar numru ta' tfal li qed jistennew biex ikunu adottati minn ġenituri Maltin huma Indjani. Fil-fatt, skont informazzjoni li ħarġet fil-Parlament ilbieraħ jirriżulta illi hemm 15-il tifel u tifla Indjani li jinsabu fil-proċess li jkunu adottati minn ġenituri Maltin. Ma' dawn jingħaqdu wkoll żewġ adozzjonijiet mill-Portugal, ħames adozzjonijiet mill-Islovakkja u adozzjoni waħda mir-Russja.
Intant, matul l-2015 kienu adottati sitt'itfal barranin, tlieta mill-Islovakkja, u adozzjoni waħda mill-Albanija, r-Russja u l-Indja. Apparti dawn kienu adottati wkoll tliet'itfal Maltin minn koppji Maltin.
Din l-informazzjoni ingħatat fil-Parlament mill-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia għall-mistoqsija tad-Deputata Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici.
Intant F'Ġunju tas-sena l-oħra l-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia u l-Ministru għall-Affarijiet Soċjali, Anzjani u Żgħażagħ tal-Kambodja Vong Sauth iffirmaw Memorandum of Understanding bejn iż-żewg pajjiżi biex b'hekk Malta tkun fost l-ewwel pajjiżi Ewropej illi se tibda ġġib tfal mill-Kambodja.