Kunsilliera Laburisti fil-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta ipproponew li l-binja 'Piccola Casa di San Giuseppe' fil-Belt issir dar tal-anzjani għall-membri tal-komunità Beltija.
Il-Kunsilliera qed isostnu li l-istess binja, preżentament tinsab vakanti u mhijiex tintuża, u għaldaqstant għandha, "tinbidel mill-Gvern f'dar għall-anzjani Beltin."
Fi stqarrija komplew jgħidu li l-popolazzjoni tal-Belt iktar ma tmur qed tikber fl-età u ħafna mill-akkomodazzjoni ġewwa l-Belt mhijiex addatta għall-anzjanità attiva. "Minflok," komplew isostnu l-Kunsilliera Laburisti, "l-anzjani qed jispiċċaw priġunieri ġo darhom stess, minħabba nuqqas ta' lift jew ammont kbir ta' turġien fost l-oħrajn. U għalhekk, fejn ta' spiss qed nisimgħu fil-miedia li qed jinfetħu djar f'lokalitajiet differenti, aħna nħossu li hemm bżonn kbir ta' dar għall-anzjani ġewwa l-Belt Valletta."