Mistennijin żviluppi fuq il-petizzjoni dwar l-uniformijiet
Ix-xewqa tat-tfal li jmorru l-iskola kuljum bit-tracksuit flok bl-uniformi se tinstema’ dalwaqt
More in Socjali
Ix-xewqa tat-tfal li jmorru l-iskola kuljum bit-tracksuit flok bl-uniformi se tinstema’ dalwaqt
L-ILLUM ġiet infurmata minn sorsi qrib tal-Ministeru tal-Edukjazzjoni, li l-petizzjoni biex it-tfal imorru l-iskola kuljum bit-tracksuit minflok bl-uniformi, qed tingħata attenzjoni u li fil-viċin mistennija li jsiru żviluppi dwarha.
Il-petizzjoni, li qiegħda ddur online, u li għaliha diġà nġabru aktar minn 1,800 firma, saret minn numru ta’ ġenituri ta’ tfal li jattendu l-iskejjel Primarji tal-Gvern, Privati u tal-Knisja li qegħdin jitolbu sabiex tul ix-xhur tax-xitwa, it-tfal jattendu l-iskola bit-tracksuit tal-iskola minflok bl-uniformi.
L-ILLUM għamlet kuntatt ma’ wħud minn dawn il-ġenituri li bdew u li qed imexxu din il-petizzjoni u staqsiethom x’wassal biex ħarġu b’dan is-suġġeriment.
Dawn il-ġenituri stqarru mal-ILLUM li l-idea li ssir petizzjoni bdiet meta numru minnhom bdew jitkellmu bejniethom waqt li qed jistennew it-tfal joħorġu mill-iskejjel. L-argument komuni bejniethom kien l-ilmenti li jisimgħu kull filgħodu mingħand it-tfal tagħhom meta jiġu biex jilbsu l-uniformi, b’mod speċjali fix-xitwa, meta jħossu ħafna bard biha. Il-ġenituri kollha nnutaw u qablu li fil-ġurnata waħda tal-ġimgħa li fiha t-tfal jistgħu jmorru l-iskola bit-tracksuit, jilbsu u jmorru l-iskola aktar għal qalbhom, mingħajr tgergir jew inkwiet li se jħossu l-bard fil-klassi.
Barra minn hekk, fl-opinjoni tal-ommijiet, il-fatt li t-tfal ikunu qed isofru l-bard, teffetwa l-konċentrazzjoni u l-prestazzjoni tagħhom fl-istudju
Uħud mit-tfal qalu lill-ġenituri tagħhom li meta taħt l-uniformi jilbsu diversi saffi ta’ ħwejjeġ oħra sabiex ma jħossux bard, imbagħad iħossuhom ma jistgħux jiċċaqalqu. Madankollu meta jilbsu t-tracksuit, din minnha diġà ssaħħan aktar u taħtha faċilment jintlibes xi saff ieħor ta’ ħwejjeġ mingħajr ma jnaqqas il-mobilità lit-tfal.
L-użu tat-tracksuit kuljum jista’ jinkuraġġixxi aktar attività fiżika għat-tfal
Bħalissa t-tfal, qalulna l-ġenituri, jilbsu t-tracksuit biss meta jkollhom lezzjoni tal-eżerċizzju fiżiku (PE), li għal ħafna skejjel tkun darbtejn fil-ġimgħa. Jidher ukoll li xi skejjel iħallu t-tfal jilbsu t-tracksuit waqt l-eżamijiet, appuntu biex ikunu aktar komdi. Il-punt tal-ġenituri huwa li jekk diġà qed jiġi rikonoxxut li bit-tracksuit it-tfal ikunu aktar komdi, u li darbtejn f’ġimgħa jitħallew jilbsuha...għaliex il-ħaġa m’għandiex issir kuljum?
Il-maġġoranza tal-ġenituri li diġà ffirmaw il-petizzjoni jemmnu li jekk it-tfal imorru l-iskola kuljum bit-tracksuit, dan jinkuraġġihom jieħdu aktar sehem f’attivitajiet sportivi u fiżiċi, kemm bħala lezzjoni uffiċjali, iżda anke waqt il-ħin tar-rikreazzjoni.
Għall-bniet, id-dublett tal-uniformi jġib miegħu aktar bard u skumdità matul il-ġurnata
Kumment ieħor li spikka fuq il-paġna tal-petizzjoni kien li s-sitwazzjoni għall-bniet hija agħar minn dik tas-subien hekk kif bid-dublett, dawn iħossu aktar bard, avolja jilbsu kalzetti u ‘tights’ minn taħt. Minbarra l-bard, kumment ieħor dwar il-bniet, speċjalment fl-iskejjel imħallta, huwa li kieku dawn jilbsu l-istess tracksuit bħal sħabhom is-subien, ma jkollhomx il-problemi ta’ skumdità u nuqqas ta’ flessibilità li jġib miegħu id-dublett.
‘L-idea li t-tfal jilbsu qmis u ingravata bħala uniformi hija waħda antikwata’
Il-ġenituri li tkellmu mal-ILLUM jemmnu li aktar ma jgħaddi żmien, f’soċjetà moderna u b’moħħha aktar miftuh, il-kunċett tat-tfal lebsin uniformi formali bi qmis u ingravata huwa wieħed antikwat u mhux prattiku għall-ħajja mgħaġġla tal-lum.
Uħud qajmu wkoll il-punt li l-ispiża għall-uniformi, li t-tfal żgħar joħorġu malajr minnha u jkollhom bżonn oħra ġdida, qiegħda tkun ta’ piż fuq ħafna ġenituri.
Dawn il-ġenituri jemmnu li jekk xorta bħala parti mill-uniformi jridu jixtru tracksuit, li minħabba l-istil u l-qatgħa tagħha, it-tfal idumu aktar ma’ joħorġu minnha, l-ispiża għalihom tkun inqas.
“It-tfal tagħna ma jimpurtahomx minn li jidhru puliti bi qmis u ingravata, iżda li jkunu komdi u ma jħossux bard,” sostnew il-ġenituri, li stqarrew li anke għalihom l-aktar importanti huwa li jaraw it-tfal komdi u kuntenti u li b’hekk, imorru aħjar fl-iskola.
“Aħna nemmnu li hija idea antikwata li biex turi dixxiplina u uniformità trid tkun liebes qmis u ingravata,” ikkummentat waħda mill-ommijiet. “Mhumiex il-ħwejjeġ li jiddixxiplinaw it-tfal iżda l-attitudni,” żiedet tgħid oħra.
Il-ġenituri kollha kemm huma li qed iressqu din il-petizzjoni jemmnu li din il-kwistjoni għandha tinstema’ minn fomm it-tfal stess bl-istess mod kif jisimgħuha huma.
Il-ġenituri li tkellmu mal-ILLUM temmew jgħidu li jemmnu wkoll li l-uniformità tiġi meta t-tfal ikunu lebsin kollha bl-istess mod, mingħajr il-bżonn li din tkun l-uniformi skomda u antikwata li għandhom bħalissa. Minbarra li aktar komda u sħuna, tracksuit xorta turi uniformità, żiedu jgħidu.
Il-petizzjoni tista’ tinsab online permezz tal-ħolqa:
https://www.change.org/p/ministry-of-education-students-in-primary-secondary-schools-going-to-school-wearing-tracksuit-in-winter