Jekk ma tippjanax flusek sew għall-futur jaf tiftaqar

Nuqqas ta' pjanar finanzjarju għall-futur qed iħalli persuni bi dħul medju foqra meta jsiru pensjonanti 

Nuqqas ta' edukazzjoni, speċjalment f'dak li jirrigwarda l-ippjanar finanzjarju tista tkun waħda mir-raġunijiet għalfejn in-nies ma jkunux jistgħu jżommu l-istess livell t'għixien li jkollhom matul iż-żmien li jkunu f'impjieg. Dan sostnieh iċ-Chairman tar-Retirement and Financial Capability Group David Spiteri Gingell, li sostna kif dawk li għandhom pagi medji huma l-aktar li jistgħu jaqgħu f'snin ta diffikultà. 

Spiteri Gingell qal illi d-dħul mill-pensjonijiet biss, kif l-affarijiet huma llum, mhux se jkun biżżejjed biex iżommu l-istess livell t'għixien li persuna jkollha meta tkun qed taħdem. Hu kien qed jitkellem fit-tnedija tal-istrateġija tal-għall-Abilità Finanzjarja għal dawk li joħorġu bil-pensjoni.

Mark Musù, iċ-Chairman tal-Grupp ta' Strateġija dwar il-Pensjonijiet spjega kif huwa importanti li n-nies jingħataw gwida għax 'jekk jitħallew joperaw waħedhom mhux neċessarjament jippreparaw għall-futur.' 

Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia saħaq illi jeħtieġ li l-Gvern jinċentiva lin-nies biex jaħdmu aktar, iżda mhux jġiegħlhom jagħmlu dan. Farrugia fakkar illi l-Gvern diġa qed jieħu ċerti inċentivi, fosthom krediti għat-trobbija tat-tfal biex tkun indirizzata d-diskrepanza bejn il-pensjoni tal-irġiel u dik tan-nisa. Hu fakkar kif permezz ta' din il-miżura nisa li jiddeċiedu illi jibqgħu d-dar ma jibqgħux jaqgħu fin-nassa tal-faqar jekk jiġi nieqes ir-raġel tagħha. 

Għal diversi drabi l-Gvern preżenti sostna li ma jaqbilx mal-introduzzjoni tat-tieni pilastri, jiġifieri żieda fil-ħlas tas-sigurtà soċjali biex jagħmel tajjeb għal-pensjonijiet li ma jirriflettux il-bżonnijiet skont il-ħajja tal-lum. S'issa f'pajjiżna kull tip ta' din il-pensjoni hija volontarja u mmexxija mill-privat. 

 

 

 

More in Socjali