Meta mistoqsi dwar il-proposta ta’ Yana Mintoff dwar il-kontrolli fuq il-prezzijiet tal-kera, wara li tkellem fuq is-suġġett iktar kmieni l-ġimgħa li għaddiet fil-Parlament, id-Deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici la qabel u lanqas tkellem kontriha. “Wieħed m’għandux jiskarta proposta bħal dik, iżda indipendentement minnha, trid tara x’inhi l-problema bħalissa u trid tara f’pajjiżna x’miżuri għandna ndaħħlu.” Kompla jsostni li Malta għandha realtajiet differenti minn pajjiżi oħrajn, fejn din il-miżura qed titħaddem b’element ta’ suċċess u allura jeħtieġ li s-soluzzjonijiet ikunu magħmula apposta għalina. “Jiena li nibża’ li jkun hemm proposti, li minkejja li l-intenzjonijiet tagħhom ikunu tajbin, iġibu sitwazzjoni bil-kontra ta’ dak li tkun trid.”
L-ILLUM tad-29 ta’ Mejju 2016 kienet żvelat kif Mintoff, f’isem il-Forum Komunità Bormliża, kienet qed tipproponi li l-prezz ta’ kirja privata, ma jistax jiżdied b’iktar minn 5% tal-medja tal-kirjiet f’dik il-lokalità jew żona. Ma’ din il-proposta ma kienx qabel la l-Prim Ministru u lanqas il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali.