Minn dan ix-xahar, bdew jitqassmu t-tablets lill-istudenti tal-year 4 kollha

Il-President tal-MUT jgħid lil dan is-sit kien hemm rispons pożittiv sa issa mill-proġett pilota

Bejn Jannar u Frar, l-iskema tat-tablets għal kull student fir-raba' sena, bdiet tiġi attwata, hekk kif bdew jitqassmu dawn it-tablets, u b'hekk, dan ma jibqax iktar proġett pilota.

F'kummenti ma' illum.com.mt, il-President tal-Malta Union of Teachers, Kevin Bonello sostna li s'issa, ir-rispons li rċeviet il-union mingħand l-għalliema kienu iktar pożittivi milli negattivi. Żied jgħid ukoll li minkejja dan, għad hemm teknikalitajiet li jeħtieġ li jiġu ċċarati. "Jekk għall-grazzja tal-argument, ikollok student li jaqagħlu t-tablet jew igarah lejn student ieħor, jew jinsteraq xi basket, x'se jiġri? Dawn huma teknikalitajiet li ilna niddiskutuhom u jidher li għandna bażi ta' qbil min-naħa tad-dipartiment tal-edukazzjoni."

Bonello kompla jgħid li l-għalliema kienu ngħataw perjodu ta' taħriġ sabiex jiffamiljarizzaw ruħhom mas-software tat-tablets, u anke kien hemm perjodu fejn l-għalliema stess setgħu jagħtu s-suġġerimenti tagħhom.

Qal ukoll kif minħabba li kien hemm każ ta' appell dwar l-għoti ta' dan it-tender, dawn it-tablets se jitqassmu issa u mhux qabel, għaliex kieku, ilhom minn Ottubru f'idejn it-tfal. Dwar ir-riżultat ta' skema bħal din, il-President tal-MUT qal li f'din is-sena tkun diffiċli li tgħid x'kien ir-riżultat minħabba li bdiet f'nofs is-sena. Għaldaqstant, sostna li mis-sena li ġejja, wieħed ikun jista' jara aħjar l-effetti li dawn it-tablets se jħallu fuq l-edukazzjoni. "Is-sena d-dieħla nkunu f'pożizzjoni ħafna aħjar biex naraw x'ħadem u ma ħadimx."

Din kienet wegħda elettorali taż-żewġ partiti qabel l-elezzjoni tal-2013, hekk kif il-Partit Laburista kien wiegħed li l-istudenti fir-raba' sena se jkunu qed jingħataw tablet b'xejn, waqt li l-Partit Nazzjonalista kien wiegħed li kull student tal-Primarja kien se jingħata tablet.

More in Socjali