filmat | 'Ikollna mat-tliet għalliema fil-ġimgħa jridu jirriżenjaw’

Il-President tal-Malta Union of Teachers, Kevin Bonello jgħid kif mhux qed jiġu attirati l-aqwa nies lejn il-professjoni ta' għalliem

Il-President tal-MUT Kevin Bonello | ritratt u filmat: James Bianchi
Il-President tal-MUT Kevin Bonello | ritratt u filmat: James Bianchi

F'intervista mal-gazzetta ILLUM, il-President tal-MUT Kevin Bonello tkellem dwar il-problema ta’ nuqqas ta’ għalliema. Hu qal kif il-problema hi li “n-numru ta’ għalliema li jiggradwaw naqsu, u naqsu sew.”

Intervista ma Kevin Bonello - Filmat ta' James Bianchi

Kevin Bonello jkompli jgħid li llum il-ġurnata hemm ħafna iktar oqsma li huma iktar attraenti milli wieħed ikun għalliem, u jsostni li bil-bidla fil-kors tal-għalliema fl-Università, dan se jmur għall-agħar minħabba li ma kienx hemm pjanar ta’ żmien tajjeb.

“Kif tista’ tattira nies lejn il-Masters fl-edukazzjoni issa, jekk dawn ikunu gradwaw f’oqsma oħra li joffru impjiegi iktar attraenti. Kif se tiġbed żgħażagħ biex jagħmlu l-kors ta’ għalliema, wara li jkunu gradwaw per eżempju fix-xjenza jew fl-IT? Tista’ timmaġina xi ħadd li jagħmel il-kors ta’ għalliem minflok imur jaħdem fl-industrija, li toffrilu kundizzjonijiet tajbin ferm? Kieku għandna kundizzjonijiet li jistgħu jħabbtuha ma’ ta’ professjonijiet oħra, tkun tista’ tifhem dan,” ikompli jgħid Bonello, waqt li jgħid li m’hemmx affarijiet li qed jiġbdu lin-nies li jidħlu għall dan il-kors, “anzi żdied b’sena oħra.”

Għad fadal bħaħen li jaħsbu li l-professjoni ta’ għalliem hi glorifikata Kevin Bonello, President tal-MUT

Il-President tal-MUT jsemmi kif bosta drabi, ħafna persuni partikolarment politikanti, meta jkunu qed jitkellmu dwar l-edukazzjoni, jikkumparaw ma’ pajjiżi bħall-Finlandja, “Fejn hemmhekk, l-għalliema huma stmati, u li tkun għalliem hu meqjus bħala ‘top job’, u saħansitra, in-nies jiġġieldu biex isiru għalliema.” Isostni li f’dawn it-tip ta’ pajjiżi, il-kundizzjonijiet huma tajbin immens u allura, ikunu qed jiġu attirati l-aħjar nies għal dan ix-xogħol. “Dan kuntrarju għal dak li jiġri f’Malta għax għal dawn l-aħħar snin, it-tendenza kienet li nattiraw in-nies bħala t-tieni preferenza tagħhom. Fil-fatt,” ikompli jinsisti, “ikollna miżerjament tlieta jew erba’ persuni fil-ġimgħa jistaqsuna xi jridu jagħmlu biex jirreżenjaw għax sabu post ieħor li jogħġobhom iktar. Min ikun sejjer barra minn Malta għax sab opportunità aħjar, min sejjer ma’ xi aġenzija, min ma’ xi Ministeru...”

‘Għad fadal bħaħen li jaħsbu li l-professjoni ta’ għalliem hi glorifikata’

Bonello jinsisti li l-professjoni ta’ għalliem, mhix attraenti minħabba bosta fatturi, u fost l-oħrajn jelenka l-kundizzjonijiet tax-xogħol, ir-rispett minn ċertu tfal lejn l-għalliema, uħud mill-ġenituri huma irresponsabbli, u l-fatt li s-sistema li trid taħdem biha, taf li ma tistax tilħaq lill-istudenti kollha. “Dan kollu qed jagħmel il-professjoni ta’ għalliem mhux attraenti,” iżid jgħid waqt li jsostni li minkejja dan, “għad fadal dawk il-bħaħen f’Malta li għadhom jaħsbu li l-għalliem hi xi ħaġa glorifikata għax għandu l-vaganzi tas-sajf, meta fir-realtà, dawn ikunu qed jippreparaw għal-lezzjonijiet, ħafna wara l-ħin tax-xogħol, u anke fis-sajf. Għal dan, din il-gazzetta tirrimarka li kważi l-ebda għalliem ma jagħmel it-tliet xhur tas-sajf, li tagħhom jibqgħu jitħallsu dejjem xogħol. Bonello jgħid li, “aħna nikkalkulaw li kull ħaddiem ikollu 192 siegħa ta’ leave li jista’ jeħodhom meta jrid. Dan, għalliem ma jistax jagħmlu.” Iżid jgħid li minħabba li kull sena jinbidlu l-klassijiet u xi drabi anke l-materjal li jiġi mgħallem, il-preparazzjoni qatt ma tieqaf. “Jekk tikkalkula fir-realtà, il-leave li jkollhom l-għalliema, jekk ikollhom xahar ta’ vaganzi, ikollok ħafna, minħabba l-ammont ta’ preparazzjoni li jkollhom. 

More in Socjali