In-numru ta’ żwiġijiet fil-Knisja li ġew irreġistrati fl-Arċidjoċesi ta’ Malta fis-sena 2016 kien ta’ 1,354. Minn dawn, 1,160 żwieġ kienu bejn Maltin. Kien hemm ukoll 73 żwieġ bejn Maltin u barranin, li minnhom uħud kienu bejn Kattoliċi Maltin barranin li mhumiex Insara.
Matul l-2016, kien hemm ukoll 111-il żwieġ bejn koppji barranin. Il-barranin li żżewġu lil Maltin kienu ġejjin minn 34 pajjiż differenti, ewlenin fosthom mill-Italja (9), mill-Ingilterra (7) u mir-Russja (6).
L-aktar xhur popolari għaż-żwiġijiet kienu Ġunju, Mejju u Lulju, bl-aktar etajiet komuni tal-koppji li żżewġu s-sena l-oħra kienu dawk ta’ bejn l-20 u d-29 sena.
Matul is-sena li għaddiet, kien hemm ukoll 17 armel/armla li reġgħu żżewġu, kif ukoll 51 persuna li reġgħu żżewġu wara li l-ewwel żwieġ tagħhom ġie dikjarat null.
Din l-informazzjoni nġabret mill-Uffiċċju Żwiġijiet tal-Kurja tal-Arċisqof, u ma tinkludix iż-żwiġijiet li saru fid-Djoċesi ta’ Għawdex.