'Nirranġawh, u siegħa wara jerġgħu jmorru jkissru'

Il-Kunsill Lokali ta' Birkirkara jgħid li jixtieq jirranġa dan il-ġnien, imma għalissa m'hemmx fondi

Ħmieġ u żibel fil-ġnien f'Birkirkara | ritratti: James Bianchi
Ħmieġ u żibel fil-ġnien f'Birkirkara | ritratti: James Bianchi

Birkirkara huwa l-aktar post b’densità għolja ta’ popolazzjoni f’Malta u wisq probabbli wieħed mill-aktar b’densità għolja ta’ bini wkoll.

F’nofs dan ir-raħal kbir, possibbilment wieħed mill-uniċi spazji miftuħa bi ftit ħdura fihom huwa l-ġnien tal-istazzjon, li minbarra li jservi ta’ ‘pulmun’ f’nofs ir-raħal u joffri spazju miftuh b’bankijiet, għandu wkoll valur storiku.

Iżda minflok ma tingħata attenzjoni u kura lil dan il-ġnien, jidher li dan jinsab fi stat ta’ abbandun totali. Numru ta’ qarrejja tal-ILLUM għamlu kuntatt ma’ din il-gazzetta b’ilmenti dwar l-istat ta’ dan il-ġnien. L-ILLUM bagħtet lill-fotografu tagħha jinvestiga u jieħu ritratti li juru l-kundizzjoni tal-ġnien.

Vandaliżmu fi Ġnien l-Istazzjon, b'arbli tad-dawl jitqaċċtu minn posthom
Vandaliżmu fi Ġnien l-Istazzjon, b'arbli tad-dawl jitqaċċtu minn posthom

Ir-ritratti, juru riżultat xokkanti ta’ abbandun kbir f’dan il-ġnien li xi darba kien tant sabiħ. Mhux biss il-post jinsab fi stat ta’ telqa, bi ċnut imwaqqgħin u bankijiet mhux mantnuti, iżda saħansitra tħalla jaqa’ vittma ta’ vandaliżmu. Numru ta’ arbli tad-dawl ġew imqaċċta b’vendikazzjoni u skont in-nies li tkellmu ma’ din il-gazzetta, ilhom żmien li tkissru u qatt ma ssewwew.

Bħalma juru r-ritratti, il-ħmieġ li jintrema f’dan il-ġnien, mhux sempliċiment xi karta żgħira li persuna bla rispett tarmi mal-art flok f’barmil, iżda kollezzjoni kkulurita ta’ skart domestiku li jinkludi bramel, twapet, kaxxi u prodotti oħrajn li posthom żġur mhuwiex mal-art ta’ ġnien pubbliku.

Intant, f'kuntatt li għamel mas-sit illum.com.mt, il-Kunsill Lokali ta' Birkirkara qal li huwa inkwetat bis-sitwazzjoni tal-ġnien. "F'dawn l-aħħar ġimgħat, kwalunkwe tiswijiet li konna qed nagħmlu, jerġgħu jitkissru fi kwistjoni ta' sigħat. Għaldaqstant, anke fid-dawl ta' numru ta' rapporti dwar drogi li qed jittieħdu fuq il-post, il-Kunsill wassal l-ilmenti kemm-il darba lill-forzi tal-ordni sabiex il-ġnien ikun sorvelat aħjar."

Ċnut imwaqqgħin fil-ġnien
Ċnut imwaqqgħin fil-ġnien

Il-Kunsill sostna li għandu pjanijiet biex isir restawr tal-ġnien, madankollu għalkemm il-pjanijiet huma lesti u approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar, "għadna ma rnexxilniex bħala Kunsill nakkwistaw il-fondi kollha neċessarji biex isir dan il-proġett. Jidher li din il-problema ta' fondi tista' tkun solvuta din is-sena, fejn il-Kunsill qiegħed iħares lejn tipi ta' finanzjamenti differenti li qabel ma kinux disponibbli."

Il-Kunsill sostna li l-pjanijiet tiegħu għall-dan il-ġnien jinvolvu restawrk, art ġdida, bandli ġodda u mużew tal-ferrovija. Il-Kunsill żied jgħid li minbarra dan, diġà nħareġ tender għar-rinnovar tal-vagun tal-ferrovija, li huwa l-vagun awtentiku, sabiex dan ikun restawrat u jerġa' jitpoġġa fuq il-post, li se jsir bi spiża ta' madwar €50,000. 

More in Socjali