Ix-xahar ta' Jannar li għadda, kien wieħed kiesaħ bl-iktar temperatura baxxa tilħaq l-4.2°C, u l-ogħla tilħaq 16.8°C. Minkejja dan, jidher li x-xahar kien aktar kiesaħ u xott u milqut minn aktar riħ mis-soltu. Barra minn hekk, sitt maltempati bir-ragħad u s-sajjetti, waħda minnhom akkumpanjata minn ħalba xita bis-silġ, ġew osservati tul ix-xahar ta’ Jannar. Dan huwa d-doppju tal-maltempati bir-ragħad u s-sajjetti mistennija għal dan iż-żmien tas-sena.
Ħafna kienu diżappuntati li l-kesħa li kienet qed tinħass fl-Ewropa f’Jannar ħakmet ukoll lil Malta. Lokalment, ix-xahar beda b’temperaturi pjuttost kesħin li niżlu sa minimu ta’ 4.2°C fi tlitt ijiem differenti sas-16 tax-xahar. It-temperatura minima tal-ħaxix – li titkejjel fuq turf qasir b’termometru li jmiss mal-ponot tal-ħaxix – kienet aktar baxxa u niżlet sa 0.8°C fl-ewwel jum ta’ Jannar.
Hekk kif bdew għaddejjin il-ġranet, it-temperaturi bdew telgħin b’mod gradwali u laħqu massimu ta’ 16.8°C fil-21 u t-22 ta’ Jannar. It-temperatura medja tal-arja għal dan ix-xahar kienet ta’ 11.5°C; jiġifieri 1.2°C anqas mit-temperatura medja mistennija għal dan iż-żmien tas-sena. Min-naħa l-oħra, it-temperatura medja tal-wiċċ tal-baħar kienet 0.4°C ogħla mill-medja klimatika ta’ 15.8°C.
Minkejja li fit-22 tax-xahar intlaħqet l-ogħla temperatura għal Jannar, din il-ġurnata kienet ukoll l-aktar waħda mudlama, bix-xemx toħroġ biss għal 0.3 sigħat. Jumejn wara, ix-xemx ħarġet għal 9.2 sigħat sħaħ u b’hekk l-24 ta’ Jannar kien l-aktar jum imdawwal f’xahar li mill-bqija kien aktar griż milli mistenni.
Madankollu, is-sħab ġab miegħu biss 71.7 mm ta’ xita, ammont li kien anqas milli mistenni għal Jannar. Fl-aħħar Ħadd tax-xahar niżel kważi nofs dan l-ammont - jiġfieri 31.0 mm – u nstema’ wkoll ir-ragħad. Jannar intlaqat minn aktar riħ mis-soltu, b’buffuri jonfħu b’veloċità medja ta’ 10.2 knots, li kienet ogħla mid-9.2 knots mistennija għal dan iż-żmien. L-aktar buffura b’saħħitha kienet irreġistrata fil-5 tax-xahar u laħqet veloċità ta’ 45 knot.