Matul l-ewwel disa’ xhur tas-sena li għaddiet, kienu 710 il-pazjenti li mietu wara li tilfu l-battalja tagħhom mal-kanċer. Minn dawn il-pazjenti, wieħed kellu inqas minn 15-il sena, waqt li 51 pazjent kellu 85 sena jew iktar.
Waqt li kien qiegħed iwieġeb għal mistoqsija parlamentari tad-Deputat Anthony Agius Decelis, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-aktar grupp ta’ età li fih kien hemm l-iktar imwiet, kienu dawk ta’ bejn il-65 u l-74 sena.
Fearne żied jgħid li f’dawn ix-xhur imsemmija, l-iktar kawża komuni ta’ kanċer fost l-irġiel kien dak tal-pulmun, waqt li l-kanċer tas-sider kien l-iktar wieħed komuni fost in-nisa.