filmat | ‘Hawn karrijiet li jmissu mal-€25,000 u anke €30,000’
Id-Direttur tal-Karnival Jason Busuttil isostni li llum il-ġurnata, il-karrijiet tal-Karnival kapaċi jiġu jiswew eluf ta' ewro
More in Socjali
Id-Direttur tal-Karnival Jason Busuttil isostni li llum il-ġurnata, il-karrijiet tal-Karnival kapaċi jiġu jiswew eluf ta' ewro
Jgħajtu x-xjuħ u jgħajtu t-tfal, viva l-jiem tal-Karnival. Dik hi l-għajta fil-ġranet mimlija kuluri u kostumi ftit qabel ir-Randan. Iżda dak li l-pubbliku jara fil-pjazez u tul it-toroq tal-Belt u l-Furjana f’dawn il-jiem, ma jkunx prodott ta’ ftit ġimgħat ta’ xi tnejn min-nies, iżda sforz kollettiv ta’ xhur sħaħ minn għexieren ta’ nies li jagħtu ħinhom u bosta drabi anke flushom. Il-gazzetta ILLUM, iltaqgħet ma’ wiċċ sinonimu mal-Karnival, Jason Busuttil fil-maħżen tal-King Carnival waqt li kienu għaddejjin l-aħħar preparamenti u rtokki sabiex ir-re jkun jista’ jinħareġ idur u jimla bil-kulur lit-toroq li jgħaddi minnhom.
Dan, fost eċitament tal-parteċipanti u anke tal-kumitat, kemm għall-edizzjoni ta’ din is-sena, kif ukoll għall-fatt li fi ftit Karnivali oħra, se jkunu qegħdin jaħdmu minn imħażen ġodda fil-villaġġ tal-Karnival.
‘Bil-Karnival tas-sajf, qed jaħdmu fuq il-Karnival is-sena kollha’
Hija xi ħaġa li tista’ tinnota faċilment meta tħares lejn karru tal-Karnival, u l-ammont ta’ xogħol u dedikazzjoni li jirrikjedi. Fil-fatt, Jason Busuttil jgħid li kif jintemm Karnival, il-parteċipanti, mill-ewwel jibdew jaħsbu għal dak li se jkunu qed jagħmlu s-sena ta’ wara. Ikompli jsostni li bl-introduzzjoni tal-Karnival tas-sajf fejn qed jiġu maħduma diversi karrijiet ukoll, uħud mill-parteċipanti qegħdin litteralment jgħixu fil-Karnival tul is-sena kollha. Busuttil jgħid kif dawn huma kollha voluntiera u jagħmlu x-xogħol b’dedikazzjoni. “Jien ma ngħidilhomx dilettanti, imma ngħidilhom artisti, jaħdmu dan ix-xogħol b’passjoni kbira u jqattgħu weekends sħaħ hawnhekk u ġieli anke l-Milied jispiċċaw iqattgħu hawnhekk.” Meta kien qed jitkellem dwar ix-xogħol li jirrikjedi, Jason Busuttil jgħid li biex tikkrea karru, teħtieġ numru kbir ta’ nies bi snajja’ differenti. “Meta tmiss ma’ karru tal-Karnival, tkun qed tmiss mal-ikbar skola ta’ arti li teżisti. Għandek min ikun qed jagħmel il-mudelli, min jiżbogħ, min jaħdem il-ħadid, min jaħdem fl-inġinerija, min ikunu qed iħit u jiddisinja l-kostumi. Tista’ tgħid li jkollok familji sħaħ li jingħaqdu biex jagħmlu dawn il-karrijiet.” Kompla jsostni li hemm ħafna żgħażagħ li huma interessati fil-Karnival u qed jara li dan dejjem qiegħed jikber u jsostni li, “l-Karnival għandu futur sabiħ quddiemu.”
Tant saru jikkompetu bejniethom, li karru jispiċċa jiswielek ammonti kbar ta’ flus...karrijiet saħansitra jmissu mal-€25,000 u €30,000 Jason Busuttil
‘Hawn karrijiet li jmissu mal-€25,000 u anke €30,000’
Jason Busuttil isemmi li ħafna drabi, il-parteċipanti jispiċċaw biex ikollhom joħorġu flus minn buthom biex il-karru jitlesta. Fil-fatt, meta mistoqsi dwar l-għajnuna finanzjarja li jirċievu, hu qal li dawn jirċieqvu biss sussidju żgħir min-naħa tal-Arts Council Malta. “Illum il-ġurnata,” jgħid Busuttil, “tant saru jikkompetu bejniethom li karru jispiċċa jiswielek ammonti kbar ta’ flus. Huwa imprezzabbli bl-ammont ta’ ħin li wieħed jispiċċa jqatta’ fuqu, il-materjali li jużaw.” Meta mistoqsi biex jikkwantifika kemm bejn wieħed ieħor jiġi jiswa karru, Busuttil qal li hawn karrijiet li saħansitra jmissu mal-€25,000 u anke €30,000. “Il-karrijiet tal-lum, ikollhom il-hydraulics u ħafna mekkaniżmi. M’għadekx tara xi ħabel għaddej biex tiċċaqlaq xi parti mill-karru. Saru jonfqu flejjes kbar.”