Aktar nies obeżi u aktar nies bid-dijabete... kumbinazzjoni?

9.9% tal-Maltin huma dijabetiċi, u 49% minnhom huma obeżi

Minn studju li sar dwar id-Diabete Mellitus tat-Tip 2 fost il-poplu Malti, irriżulta li 9.9% tal-Maltin huma dijabetiċi. Kważi nofshom, jew 49% huma obeżi. Mid-90% l-oħra tal-poplu li mhux affetwat minn din il-kundizzjoni, 21% minnhom huma obeżi. Tul is-snin, in-numru ta’ nies ibatu mid-dijabete żdied flok naqas u dan jista’ jkun minħabba d-dieta u n-nuqqas ta’ eżerċizzju fost il-Maltin. L-istess studju wera li mis-snin 80 sal-lum, il-Maltin qed jieklu aktar karbojdrati u zokkor irfinat, u inqas xaħam u fibri.

Din l-informazzjoni ħarġet minn studju ppubblikat fil-Malta Medical Journal, li sar mit-tabiba Ruth Caruana, mid-Dipartiment tal-Mediċina tal-Università ta’ Malta u t-tabib Michael Patterson, mill-Università ta’ Roehampton fir-Renju Unit, li tratta d-dieta attwali ta’ numru ta’ pazjenti li jbatu bid-dijabete, flimkien ma’ numru ta’ nies oħra li mhumiex dijabetiċi, sabiex jiġi stabbilit x’inhu dak li fid-dieta tal-Maltin qiegħed jaffettwa n-numru tant kbir li jbatu bid-dijabete. Ir-riżultati li nkisbu minn stħarriġ li sar riċentament, ġew imqabbla ma’ studju simili li kien sar fl-1983 minn Katona et al.

Bir-riżulati taż-żewġ studji mqabbla bejniethom, Caruana u Patterson setgħu jaraw id-differenzi fil-mod kif il-Maltin jieklu llum, u kif kienu jieklu fis-snin 80, kif ukoll il-livelli ta’ eżerċizzju differenti li jsir bejn issa u 33 sena ilu.

 

 

Tul is-snin, il-Maltin qegħdin jieku l-istess ammont ta’ proteini, inqas xaħam iżda ħafna iktar karboidrati

Tul is-snin kien hemm żieda ta’ madwar 10% fil-konsum ta’ karboidrati
Tul is-snin kien hemm żieda ta’ madwar 10% fil-konsum ta’ karboidrati

L-istudju wera li ma kienx hemm xi differenzi kbar fid-dieti bejn il-persuni li jbatu bid-dijabete u dawk li le. Irriżulta wkoll li mill-1983 ’l hawn, il-Maltin qegħdin jieklu aktar karboidrati, inqas xaħam u fibri. Dan wassal għal żieda fil-każi ta’ dijabete tat-tip 2 f’dawn l-aħħar snin.

Bejn l-istudju li sar fl-1983 u dak li sar riċentament, jidher li l-Maltin baqgħu jieklu l-istess ammont ta’ proteini kuljum, tnaqqis ta’ madwar 15% fix-xaħam, iżda żieda ta’ madwar 10% fil-konsum ta’ karboidrati.

L-istudju jsostni li ż-żieda fil-karboidrati ġejja minn konsum ikbar ta’ ħobż u għaġin fost il-Maltin, li jaqgħu taħt kategorija ta’ karboidrati kumplessi, li jaffetwaw il-livell taz-zokkor fid-demm, li min-naħa tiegħu jikkontribwixxi għal żieda fil-ħxuna u anke każi ta’ dijabete.

 

18% tal-irġiel aktar obeżi min-nisa u 27% tad-dijabetiċi kienu aktar obeżi minn dawk li mhumiex

L-istudju kien ibbażat fuq kampjun ta’ 166 raġel u mara li fosthom, 75 kienu affetwati bid-dijabete u 91 le. Dawn kienu mistoqsijin dwar id-dieta u l-istil ta’ ħajja tagħhom.

Ir-riżultati wrew li bejn l-irġiel u n-nisa kollha, kien hemm prevalenza fl-obeżità ta’ 43.3% fost l-irġiel u 25.3% fost in nisa. Bejn il-persuni dijabetiċi u dawk li mhumiex imbagħad, irriżulta li 49% kienu obeżi u 21% le.

Ir-rapport wera li d-dijabete tat-tip 2 fost il-Maltin hija relatata mal-piż, hekk kif iż-żieda fil-piż u l-obeżità huma assoċjati mal-‘metabolic syndrome’ li minnha nnifisha żżid ħafna r-riskju għad-dijabete tat-tip 2.

Għaldaqstant, l-istudju jirrakkomanda li speċjalment dawk li jkunu għadhom kemm saru jafu li għandhom id-dijabete, jingħataw gwida siewja dwar tnaqqis fil-piż u żieda fl-eżerċizzju.

 

Mill-1983 ’l hawn, l-edukazzjoni dwar stil ta’ ħajja aktar san ma żdiditx biżżejjed

B’differenza ta’ 33 sena bejn iż-żewġ studji, għadu jidher biċ-ċar li hawn il-bżonn ta’ edukazzjoni kontinwa fuq kull aspett ta’ stil ta’ ħajja aktar san, kemm fejn tidħol dieta, kif ukoll l-eżerċizzji, kemm għad-dijabetiċi, kif ukoll għal dawk li mhux affetwati minn din il-kundizzjoni.

Il-fatt li aktar kmieni din il-ġimgħa, ġie mħabbar li Malta għandha r-raba’ l-għola rata ta’ tfal obeżi fl-Ewropa, b’aktar minn 40% tat-tfal Maltin, għandhom piż żejjed isaħħaħ il-fatt li bħala pajjiż hemm bżonn li jkun hawn aktar edukazzjoni dwar in-nutrizzjoni, ħajja sana u eżerċizzju.

 

Ilum id-dieta tal-Maltin tinkludi aktar laħam aħmar, ħobż, għaġin u qali minn qatt qabel

Id-dieta tal-Maltin inbidlet tul is-snin, hekk kif biż-żmien tjieb il-livell tal-ħajja tan-nies. Qabel is-seklu 19, id-dieta tal-poplu Malti kienet tikkonsisti primarjament minn ħobż tax-xgħir (barley bread), ġobon mill-ħalib ta’ nagħaġ u mogħoż, żebbuġ, frott imqadded u ftit ħut meta jkun fl-istaġun. Ir-rapport jiddeskrivi kif fl-antik, il-Maltin kienu “jieklu abbundanza minn dak kollu li jkun ta’ staġun, u jixorbu ammont moderat ta’ nbid.” Barra minn hekk, dak iż-żmien in-nies kienu jimxu distanzi twal u l-maġġorpati tax-xogħlijiet kienu fiżiċi.

Mal-mogħdija taż-żmien, id-dieta tal-Maltin bdiet tinkludi aktar ħobż, għaġin u laħam; ingredjenti li qabel ma kinux parti mid-dieta tipika Maltija. Illum il-Maltin jieklu ħafna aktar karboidrati, xaħam, zokkor irfinat, ikel moqli u laħam aħmar.

Bejn l-ewwel stħarriġ tal-1983 u dak li sar fl-2016 irriżulta li fi 33 sena biss, il-bidla fid-dieta tal-Maltin saret tinkludi ħafna aktar karboidrati u zokkor u naqas b’mod sostanzjali l-ammont ta’ eżerċizzju fiżiku.

 

Minkejja l-pariri u t-twissijiet, id-dijabetiċi mhumiex jirranġaw id-dieta u jżidu l-eżerċizzju

Ikun ħafna aktar faċli li tiġi mgħallma atitudni ta’ ħajja sana fost it-tfal
Ikun ħafna aktar faċli li tiġi mgħallma atitudni ta’ ħajja sana fost it-tfal

L-istudju kompla juri li minkejja d-dijanjożi ta’ dijabete u pariri għal dieta aħjar u żieda fl-eżerċizzju, il-maġġoranza tal-pazjenti li jbatu bid-dijabete mhumiex ibiddlu l-istil tal-ħajja tagħhom u għaldaqstant jiggravaw is-sitwazzjoni tagħhom. “Jidher li hemm diffikultà ġenerali biex jinbidel l-istil tal-ħajja, fejn jidħol l-eżerċizzju u l-konsum ta’ ikel aktar san,” tenna r-rapport, “minħabba fatturi soċjoekonomiċi u kulturali li diffiċli jinbidlu.”

Ir-rapport għaldaqstant irrakkomanda li jkun aktar faċli kieku tibda tiġi mgħallma atitudni aktar sana fost it-tfal, bit-tama li dawn jikbru aktar konxji tas-saħħa u l-eżerċizzju.

More in Socjali