Pawlu Curmi hu magħruf bħala missier il-Karnival. Hu persuna li anke jekk għandu 'l fuq minn 80 sena għadu attiv jorganizza karrijiet, kostumi u żfin tal-karnival. Hu persuna sinonima mal-Karnival u mal-Beltin u għalhekk huma ħafna l-Beltin li talbu lill-Kunsill Lokali biex isir monument tal-Pampalun kif inhu magħruf. Tant li Ray Azzopardi l-kunsillier Belti ħa l-inizjattiva u qed jiġbor firem f'petizzjoni li qed issir online biex isir dan il-monument fil-Belt.
Ray Azzopardi kiteb hekk fl-ittra li biha qed jitlob il-firem, "Nipproponu Monument b'ringrazzjament għall-ġid li għamel magħna il-Beltin, Pawlu Curmi l-Pampalun. Fil-fehma tagħna, dan il-personaġġ għaqqad diversi żgħażagħ permezz tas-sehem tiegħu fil-Karnival ta' Malta sa minn meta kellu età żgħira. Ta' dan nixtiequ nirringrazzjawh, billi nħeġġu lill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta biex jonorah b'monument f'post prominenti ġewwa l-Belt Valletta."
Min irid jieħu sehem f'din il-petizzjoni jidħol f'dan is-sit hawn taħt u jiffirma online hawnhekk.