Aktar minn €900,000 miġburin għall-ħolma ta’ Bjorn...

U b’telefonata LIVE, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li d-dar għall-pazjenti li għandhom l-ALS se tieħu s-servizzi kollha b’xejn

Waqt ġbir ta’ fondi LIVE fuq it-televiżjoni lbieraħ, il-poplu Malti għal darb’oħra wera l-qalb tajba tiegħu hekk kif somma sabiħa ta’ aktar minn €900,000, inġabret għall-dar b’risq il-pazjenti li jbatu mill-marda tal-ALS, marda deġenerattiva li teffetwa s-sistema nervuża l-moħħ u l-ispina ta’ dawk effettwati minnha.

Il-ġbir ta’ fondi ġie organizzat fuq il-programm Xarabank , bil-għan li sseħħ il-ħolma ta’ Bjorn Formosa, li jibni dar mgħammra speċifikament għall-għajnuna  tan-nies li bħalu, jgħixu bl-ALS.

“Grazzi lill-poplu Malti, issa nista’ mmur norqod b’moħħi mistrieħ, jiġri x’jiġri,” qal Bjorn Formosa, fundatur ta’ ‘ALS MALTA’, fi tmien il-programm.

Waqt il-programm, il-Prim Ministru Joseph Muscat għamel telefonata, li fiha ħabbar li l-Gvern se jkun qiegħed iħallas għas-servizzi kollha meħtieġa tad-dar ta’ ALS Malta

Kienu ħafna l-familji Maltin u numru ta’ negozji li taw donazzjonijiet ta’ aktar minn €300, li b’ringrazzjament ta’ dan se jkollhom isimhom imniżżel fuq madum fid-dar.

Sal-aħħar tal-programm, id-donazzjonijiet kienu laħqu l-ammont ta’ €879,000, iżda n-nies baqgħu iċemplu sakemm sal-aħħar is-somma finali telgħet għal €900,441.

L-ALS hija marda deġenerattiva progressiva li teffetwa s-sistema nervuża fil-moħħ u fl-ispina. S’issa sfortunatament għad m’hawnx kura għaliha. Eventwalment dawk li jbatu bl-ALS jaslu fi stat ta’ paraliżi, li jfisser li jkollhom jgħixu fi djar fejn kollox, inkluż il-bibien, kull apparat fid-dar u computers ikollhom jitħaddmu permezz tal-moviment tal-għajnejn biss.

Bjorn Formosa kien ingħata wkoll it-titlu ta' personalità tas-sena tal-gazzetta ILLUM, lura fi tmiem l-2015.

More in Socjali