Ċentru ġdid għall-persuni b'diżabilità f'Tas-Sliema

'Skills Space' ifisser kunċett ġdid li jiffoka fuq l-abbiltà tal-persuna kemm għal persuni b’diżabilità, carers u l-membri tal-familja tagħhom.

"Dan il- Gvern jemmen fl-abbiltà tal-persuni b’diżabilità u għalhekk importanti li tingħata l-għodda biex noħorġu l-ħiliet differenti li jkollu kull individwu."  Dan qalitu s-Segeretarju Parlamentari Justyne Caruana meta dalgħodu fetħet ċentru ġdid għal persuni b'diżabilità f'Tas-Sliema b'investiment ta' €750,000 fis-sena.  L-isem innifsu 'Skills Space' ifisser kunċett ġdid li jiffoka fuq l-abbiltà tal-persuna bi programmi varji u attraenti kemm għal persuni b’diżabilità kif ukoll għal carers u l-membri tal-familja tagħhom.

Is-Segeretarju Parlamentari Justyne Caruana fakkret li dan iċ-Ċentru lejn in-nofs ta' Malta kien imwiegħed fil-budget  għal din is-sena, flimkien ma’ aktar tisbieħ u mmodernizzar fi ħdax-il ċentri oħra madwar Malta u Għawdex. Iċ-Ċentru Skills Space huwa mgħammar b’għodda addatata li tgħin fit-taħriġ għal ħajja indipendenti li tibda minn ġo fih stess u imbagħad tkompli fi djarhom mal-familja stess, bl-għajnuna ta' nies professjonali.

"Il-persuna hija fiċ-ċentru tal-politika u l-istrateġija tal-Gvern, u dan wisq iktar fil-qasam tad-diżabilità, fejn inħarsu lejn it-totalità li ddawwar il-persuna, tant li qegħdin napplikaw programmi li jinvolvu lill-bqija tal-familja u nestendu t-taħriġ fiċ-Ċentru mal-ħajja normali fid-dar," qalet Justyne Caruana.  Hija faħħret ix-xogħol professjonali li jwettqu l-ħaddiema tal-Aġenzija Sapport f'dan il-qasam u żiedet li l-istil tal-programmi moderni f'dan iċ-Ċentru joffri wkoll opportunitàgħal aktar esperjenzi lill-istess ħaddiema.

Is-Segretarju Parlamentari Caruana fissret li sikwit nisimgħu li persuni b’diżabilità jeħtieġu żmien biex jaddattaw bejn l-ambjent tad-dar u dak tat-taħriġ u biex jintegraw ma’ persuni oħra. Dan iċ-Ċentru Skills Space se jiffoka fuq dan il-bżonn billi joffri gwida, għajnuna u tagħlim lill-membri l-oħra tal-familja biex ikun hemm kontinwità fid-dar. Il-familja tkun tista’ ssegwi t-taħriġ li jingħata biex uliedhom joħorġu aktar l-abbiltajiet tagħhom li ħafna drabi anqas ikunu jobsruhom fil-ħajja fid-dar.  "Dan huwa mod aktar effettiv fejn il-persuna b'diżabilità tkun imdawra bil-familja, bil-carers, bl-għalliemau bil-professjonisti varji biex ikun hemm ħolqa kontinwa bejn il-ħidma fiċ-Ċentru u l-ħajja fid-dar.  B'hekk joħorġu aħjar il-ħiliet lejn iktar indipendenza u tikber il-parteċipazzjoni favur iktar inklużjoni soċjali," qalet Justyne Caruana. "Bħala Segretarjat Parlementari nemmnu bis-sħiħ fl-involviment tal-familja madwar dawn il-persuni biex nipprovdu spazju kontinwu mifrux bejn id-dar u ċentri bħal dawn. Bl-għajnuna ta' għalliema u trainers professjonali, il-familja tifhem aħjar kif l-isfidi jinbidlu f'opportunitajiet u l-persuna b'diżabilità tesplora ħiliet li jikkumplimentaw aħjar il-ħajja fid-dar," tenniet Justyne Caruana.

Għaxar persuni b'diżabilità diġà bdew il-proċess ta' transizzjoni bejn id-dar u dan iċ-Ċentru u n-numru se jitla’ għal madwar 50 fix-xhur liġejjin, filwaqt li b'kollox se jkunu involuti madwar 150 ruħ bejn dawn il-persuni, membri tal-familja u carers.  Madwar 480 persuna b'diżabilità jingħataw taħriġ regolari fit-tnax-il ċentru mifruxin madwar il-pajjiż.  Is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana fissret li l-post jinsab fil-qalba ta’ Tas-Sliema, li jkompli jagħmilha aktar faċli biex persuni b’diżabilità li jattendu dan il-programm, jintegraw aktar fil-komunità anke permezz ta’ parteċipazzjoni f’attivitajiet pubbliċi u eżerċizzji bħal passiġġati, soċjalizzazzjoni, xiri mill-ħwienet u ħidma oħra fil-ħajja ta' kuljum.

"L-impenn tal-Gvern f'dan il-qasam huwa ispirat mit-twemmin sħiħ tiegħu fil-ġustizzja soċjali u l-ekwità meħtieġa għal aċċessibilità sħiħa fil-ħajja tal-komunità li tkun bil-fatti soċjetà ġusta," temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana.

More in Socjali