Wara li lbieraħ ċediet it-tieqa tad-Dwejra, il-Gvern ħabbar li se jkun qed iniedi sejħa internazzjonali għat-triq 'il quddiem għal dan is-sit. Wara li l-Prim Ministru iktar kmieni llum waqt intervista fuq Sky News ħabbar li se jkun hemm inizjattivi internazzjonali għas-sit tad-Dwejra, issejħet konferenza tal-aħbarijiet dwar it-triq 'il quddiem.
Fost il-proposti li ssemmew fil-konferenza tal-aħbarijiet, hemm li jissaħħaħ l-interpretation centre eżistenti u li jittellgħu biċċiet mill-istruttura li waqgħet u jitpoġġet għall-esebizzjoni tal-pubbliku, fost l-oħrajn.
Minbarra proposta oħra li fis-sit, jitħalla kollox kif inhu, ingħad kif jista' jkun li terġa' tiġi rikreata l-istruttura b'mezzi teknoloġiċi, u installazzjoni artistika viċin tas-sit. Minkejja dan, il-Gvern eskluda li t-tieqa terġa' tinbena kif kienet.
Ingħad ukoll li permezz tal-ERA, il-Gvern se joħroġ ordni ta' konservazzjoni temporanja sabiex jiġu protetti l-partijiet tal-istruttura li waqgħu fil-baħar.