Anke l-irġiel jistgħu jkunu vittmi ta’ vjolenza domestika

1,085 każ ta’ vjolenza domestika fuq irġiel fi tliet snin

Meta nisimgħu dwar il-vjolenza domestika, moħħna mill-ewwel imur fuq nisa msawta u abbużati fl-ambitu tad-dar, mir-raġel, sieħeb jew missier vjolenti tagħhom. Ikollna nammettu li l-preġudizzju mill-ewwel imur fuq l-irġiel li jwettqu vjolenza domestika, iżda ħaġa tal-iskantament, bejn l-2013 u l-2016 f’Malta kien hawn 1,083 każ ta’ vjolenza domestika irrapportati minn irġiel.

Jidher ukoll li aktar ma jmur iż-żmien aktar qegħdin jiżdiedu l-każi, hekk kif fl-2016, kien hemm l-akbar numru ta’ rapporti, 335 preċiżament. Dawn imqabbla ma’ 315 fl-2015, 268 fl-2014 u 165 bejn Ġunju u Diċembru tal-2013.

Minkejja dan, ħadd mhu qed jgħid li n-numru huwa daqs jew iktar minn vjolenza mwettqa fuq in-nisa, għax sfortunatament bejn l-2013 u l-2016 kien hemm total ta’ 3,565 rapport ta’ vjolenza domestika li sar minn nisa, aktar mid-doppju ta’ dawk rappurtati mill-irġiel. Tant hu hekk, li f’kull waħda mis-snin separatament, kien hemm aktar rapporti mill-erba’ snin f’daqqa ta’ rapporti magħmulin mill-irġiel.

Is-sena li għaddiet biss, saru 1,111 rapport ta’ vjolenza domestika fuq in-nisa, 1,032 fl-2015, 886 fl-2014 u 536 bejn Ġunju u Diċembru tal-2013.

Din l-informazzjoni ngħatat fil-Parlament mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela, bħala tweġiba għal mistoqsija Parlamentari mressqa lilu mid-deputat Robert Cutajar.

Abela żied jgħid li fir-rigward kemm kien hemm tfal u żgħażagħ taħt l-età li għamlu rapporti, din l-istatistika ma tinżammx, peress li l-persuna li tagħmel rapport mal-Pulizija tkun imniżżla bħala Person Filing Report

More in Socjali