Aġġornata | €3,400 biex titnaddaf il-miżbla li tħalliet wara San Patrizju...

Għall-Maltin kull skuża tajba biex nagħmlu festa, anke jekk din tkun tradizzjoni Irlandiża....iżda t-tradizzjoni li nħallu miżbla hija purament Maltija

Fis-sigħat li għaddew, il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttra, kellu jħaddem servizz ta’ tindif b’ emerġenza wara li ammont konsiderevoli ta’ skart iġġenerat mill-pubbliku lbieraħ waqt iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ San Patrizju f’San Ġiljan baqa’ ma nġabarx mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan, kif dejjem kienet il-prassi tul is-snin li għaddew.

Ma saret l-ebda konsultazzjoni fl-ebda ħin mad-Direttorat għat-Tindif li ma kienx ser isir tindif mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan.

Wara li ntalab l-intervent tal-Ministeru minn diversi persuni d-Direttorat għat-Tindif qabbad 25 ħaddiem minn tiegħu li kellhom jinqalgħu minn fuq xogħol ieħor biex imorru jipprovdu dan is-servizz.

Ix-xogħol ta’ tindif involva ġbir ta skart, knis u ħasil ta’ toroq. B’kollox inġabru mat-tliet tunnellati skart f’madwar sagħtejn.

L-ispiża biex sar dan ix-xogħol minn ħaddiema tal-Gvern b’emerġenza tammonta għal madwar €3,400.

 

Dan wara li lbieraħ f'San Ġiljan, numru kbir ta' Maltin niżlu jiċċelebraw il-festa Irlandiża ta' San Patrizju, li f'dawn l-aħħar snin daħlet ġmielha fil-kalendarju Malti. Għall-Maltin kull skuża tajba biex nagħmlu festa, anke jekk din tkun tradizzjoni Irlandiża, iżda t-tradizzjoni li nħallu miżbla warajna hija purament Maltija.

Wara l-gost, ix-xorb u x-xalar tal-bieraħ filgħaxija, il-bajja ta' Spinola tħalliet fi stat ta' miżbla, b'karti, tazzi tal-plastic u ammonti kbar ta' ħmieġ ieħor ma' kullimkien. Dalgħodu, il-viċi sindku ta' San Ġiljan, Albert Buttiġieġ ippublika fuq facebook dawn ir-ritratti li qegħdin taraw hekk kif kiteb hekk...

"L-għodwa t-tajba lil kulħadd, din hija l-veduta tal-pjazza ta' Spinola wara jum San Patrizju. Issa s-sidien tal-barijiet qegħdin jistennew lill-Kunsill Lokali nnadfu din il-miżbla għall-ispiża tagħna li tilħaq madwar €3,000.

Filwaqt li ċert li kollha jinsabu kuntenti jgħoddu l-flus li qalgħu ilbieraħ, aħna r-residenti jkollna niffaċċjaw dan kollhu, Grazzi.

Dan kollhu seta' ġie evitat mingħajr spejjeż kieku l-proposta tal-Kunsill Lokali, approvata mill-kunsilliera kollha, ma ġietx imwaqqfa !

ISTĦU GĦAR-RGĦIBA TAGĦKHOM ! "

Fost kummenti tan-nies u residenti b'risposta għall-kummenti tal-Viċi Sindku, kien hemm min issuġġerixxa li l-ispiża tat-tindif għandha tinqasam bejn il-barijiet kollha li ħadu sehem u profittaw mill-festa tal-bieraħ u li jekk fis-snin li ġejjin din tibqa' tingħata permess, dawn għandhom iħallsu depostiu lill-Kunsill minn qabel biex jerfgħu ir-responsabbiltà tagħhom, mhux jagħmlu biss profitti.

More in Socjali