Filmat | Żomm għajnejk fuq it-triq għas-sewwieqa tal-muturi u ċ-ċiklisti

Transport Malta u l-Kunsill Malti għas-Sigurtà fit-Toroq, nhedew kampanja biex titqajjem kuxjenza dwar il-perikli li jiltaqgħu magħhom is-sewwieqa tal-muturi u ċ-ċiklisti

Transport Malta u l-Kunsill Malti għas-Sigurtà fit-Toroq, nhedew kampanja biex titqajjem kuxjenza dwar il-perikli li jiltaqgħu magħhom is-sewwieqa tal-muturi u ċ-ċiklisti.

 

Dawn is-sewwieqa huma l-aktar involuti f’aċċidenti serji, għalkemm huma ħafna inqas fin-numru. Fl-2016, 6% biss tal-vetturi rreġistrati Malta kienu muturi iżda 40% tal-fatalitajiet kienu sewwieqa tal-muturi, disgħa tilfu ħajjithom.  Wieħed minn kull tlieta li weġġgħu serjament kien sewwieq ta’ mutur.

Għal dan il-għan, Transport Malta u l-Kunsill Malti għas-Sigurtà fit-Toroq iddeċidew li jiffukaw kampanja dwar l-interazzjoni fit-triq bejn is-sewwieqa tal-muturi, tal-karozzi u ċ-ċiklisti.  Il-kampanja tindirizza kemm lis-sewwieqa tal-muturi u r-roti kif ukoll tal-karozzi.  Titlob lis-sewwieqa tal-muturi biex joqgħodu attenti u jkunu lesti għal kull manuvra fit-toroq, biex jilbsu ilbies protettiv u ma jsuqux b’mod eċċessiv.  Il-kampanja tindirizza wkoll lis-sewwieqa tal-karozzi. Is-sewwieqa tal-muturi u ċ-ċiklisti huma aktar diffiċli biex tarhom u għalhekk aktar vulnerabbli.  Għaldaqstant, il-kampanja titlob lis-sewwieqa tal-karozzi biex isuqu b’attenzjoni u jżommu d-distanza.

L-ewwel filmat ta’ din il-kampanja juri sewwieq ta’ mutur jevita aċċidenti potenzjali fl-aħħar mumenti.  Ix-xena tibda bill turi aċċident fatali fit-triq, sewwieq ta’ mutur għaddej u grupp ta’ tfal jilagħdu logħoba tradizzjonali waqt li jkantaw “Ara ġejja l-mewt għalik”.  Il-filmat ifakkar kemm hu faċli li wieħed jikkawża aċċident serju u fatali lis-sewwieqa tal-muturi, kemm sempliċiment tiftaħ il-bieba mingħajr ma tħares jew tikser bl-addoċċ. It-tieni filmat fis-sensiela u l-bqija tal-kampanja se jiffukaw iktar fuq iċ-ċiklisti.

Transport Malta u l-Kunsill Malti għas-Sigurtà fit-Toroq, ser juru dan il-filmat fuq diversi mezzi tax-xandir u l-media soċjali biex jilħqu udjenza wiesgħa.  Ser ixandru avviżi tar-radju u jqassmu flyers u posters biex ifakkru fit-temi ewlenin tal-kampanja.

Il-muturi u ċ-ċikliżmu qed isuru popolari f’Malta.  Transport Malta hija kommessa li, fejn hu possibbli, tħares aħjar dawn il-mezzi tat-trasport fid-disinn tal-infrastruttura fil-futur.  Transport Malta introduċiet ukoll ‘motorcycle strips’ għal-ewwel darba waqt l-implimentazzjoni ta’ Triq il-Kosta.  Aktar motorcycle strips u crash barriers se jsiru element iktar regolari fl-għamara tat-triq.

Transport Malta u l-Kunsill Malti għas-Sigurtà fit-Toroq, ser ikomplu jaħdmu biex tissaħħaħ is-sigurtà fit-toroq u jappellaw lis-sewwieqa kollha biex jirrispettaw lilhom infushom u lil xulxin biex nagħmlu t-toroq tagħna aktar siguri.

More in Socjali