Tiftaħ is-sejħa għar-reklutaġġ fil-Korp tal-Pulizija. Il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali flimkien mal-Korp tal-Pulizija jinfurmaw li fil-Kwartieri Ġenerali l-Furjana se jintlaqgħu l-applikazzjonijiet għal dan ir-rwol sat-Tnejn 17 ta’ April 2017.
Fil-ġlieda kontra l-kriminalità u l-protezzjoni tas-soċjetà, id-doveri ta’ kuntistabbli ta’ Pulizija huwa li jippreserva l-paċi u l-ordni pubblika, li jippreveni l-kummissjoni ta’ offiżi u li jippromwovi l-infurzar u l-osservanza tal-ligi.
Waqt din is-sejħa għar-reklutaġġ, il-proċess tal-għażla se jkun maqsum fi tliet partijiet; effiċjenza fiżika, intervista u eżami mediku. Wara l-proċess tal-għażla, ir-rekluti jsegwu programm ta’ taħriġ intensiv fl-Akkademja għal Korpi Dixxiplinati f’Ta’ Kandja.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Carmelo Abela qal li dan huwa investiment ieħor fil-kullana ta’ investimenti li qegħdin isiru fit-tkabbir tar-riżors uman bil-għan li l-għases distrettwali u s-sigurtà tal-lokalitajiet f’Malta u Għawdex ikomplu jissaħħu.
Żied jgħid li bħalissa l-Korp tal-Pulizija għaddej minn żmien ta’ bidla għal iżjed immodernizzar flimkien ma titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol inkluż permezz ta’ drittijiet. Għaldaqstant il-membri l-ġodda tiegħu, f’konformità ma' dan it-tibdil għandhom ikollhom sens ta’ proattività għal iżjed servizz ta’ kwalità għolja lill-pajjiż.
Fl-appell tiegħu, il-Ministru għall-Intern Carmelo Abela ħeġġeġ kandidati li verament għandhom il-vokazzjoni li jibnu karriera mal-Pulizija biex jirrikorru għal din is-sejħa. Fakkar li xogħol f’Korp Dixxiplinat jeħtieġ determinazzjoni, rieda u lealtà lejn is-servizz offrut lin-nazzjon.