Ix-xogħol fil-pjazza ta' Raħal Ġdid għaddej ġmielu

Bħalissa għaddej it-tħaffir fil-parti ċentrali tal-pjazza ta' Raħal Ġdid li ftit aktar minn sena oħra se ssir kollha pedonali.

Ritratti mehudin dalgħodu mill-ILLUM juru li x-xogħol fuq il-pjazza ta' Raħal Ġdid għaddej ġmielu. Il-proġett ta' €3 miljun fuq il-pjazza, li mistenni jitlesta fi żmien 15 -il xahar, bħalissa jinsab fil-fażi tat-tħaffir tal-parti ċentrali tal-pjazza.

Bħalissa għad hemm aċċess għall-karozzi, li għadhom għaddejjin minn naħa waħda tal-pjazza, f'karreġjati dojoq mid-direzzjoni ta' Ħal Tarxien lejn il-ħabs u anke lura. Aktar il-quddiem, il-pjazza kollha se ssir waħda pedonali u t-traffiku jiġi dirett minn toroq oħra li ma jaqsmux il-pjazza.

Ritratti : Ruben A Xuereb
Ritratti : Ruben A Xuereb
Ritratti : Ruben A Xuereb
Ritratti : Ruben A Xuereb
Ritratti : Ruben A Xuereb
Ritratti : Ruben A Xuereb

Il-proġett fuq il-pjazza kien imħabbar f'April tal-2015, bl-iskop li jirriġġenera u jsebbaħ il-pjazza u jbiddilha f'waħda pedonali li titgawda aktar minn nies, b'inqas periklu mit-traffiku li bħalissa jgħaddi minn din il-pjazza.

It-tul ta' żmien li ttieħed minn April tal-2015 s'issa kien dovut għall-ewwel fażi, li kienet ir-rilokazzjoni tas-siġar li wara li nqalgħu mill-pjazza, ġew imħawwla b’suċċess f’Raħal Ġdid stess, madwar il-parkeġġ taċ-ċimiterju. Is-sindku ta' Raħal Ġdid kien qal mal-ILLUM li huwa jemmen li kienet ħaġa sabiħa li dawk is-siġar, li uħud minnhom għandom 'il fuq minn 90 sena, baqgħu Raħal Ġdid. L-aħħar grupp ta’ siġar li ġew rilokati, inqalgħu mill-pjazza fl-aħħar tal-2016 u tħawlu fi ġnien il-Mediterran.

Ix-xogħol fuq il-pjazza, speċjalment il-fażi ta' tħaffir li għaddejja bħalissa, mhux wieħed faċli minħabba li l-pjazza tinsab viċin tas-sit storiku tal-Ipoġew, li minħabba f'hekk jillimita l-iskavar li jista' jsir fiż-żona.

More in Socjali