
Aġġornata | Jirritorna d-dawl f'diversi lokalitajiet wara blackout totali
Għal xi ħin, il-maġġoranza tal-lokalitajiet kienu mingħajr dawl, iżda l-blackout ma kienx f'Malta kollha

More in Socjali
Għal xi ħin, il-maġġoranza tal-lokalitajiet kienu mingħajr dawl, iżda l-blackout ma kienx f'Malta kollha
Ftit wara l-10 ta' filgħodu, kważi Malta kollha esperjenzat blackout totali hekk kif ġie rrappurtat li ħafna lokalitajiet kienu mingħajr dawl.
Kelliem għall-Enemalta kkonferma dan iżda sostna li l-blackout ma kienx totali f'Malta kollha. Id-dawl beda ġej lura ftit tal-minuti wara, b'diversi lokalitajiet saħansitra jirrappurtaw li ġie 10 minuti wara li nqata'.
Fost il-lokalitajiet li ġew affetwati b'dan il-blackout jinkludu Tas-Sliema, San Ġwann, in-Naxxar, Birkirkara, Raħal Ġdid, Santa Venera, is-Siġġiewi, Marsaskala f'Malta u Marsalforn u x-Xlendi fost l-oħrajn f'Għawdex. Minkejja li l-kawża għal dan il-qtugħ ta' dawl għadha mhix magħrufa, jidher li bosta minn dawn il-lokalitajiet reġa' għandhom l-elettriku.
Il-provvista tal-elettriku lura għan-normal wara diffikultà teknika
Intant fi stqarrija mill-Enemalta plc stess hi nnutat kif tat lura l-provvista tal-elettriku lill-klijenti affettwati bid-diffikultà teknika ta’ nhar it-Tlieta filgħodu f’inqas minn 50 minuta.
Il-Kumpanija rreġistrat telf ta’ kapaċità fis-sistema nazzjonali tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’daqqa għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu. Il-provvista tal-elettriku f’għadd ta’ lokalitajiet inqatgħet mill-ewwel permezz ta’ proċedura ta’ protezzjoni awtomatika biex tibbilanċja d-domanda u l-provvista u tevita li tintefa s-sistema kollha. It-tnaqqis fil-kapaċità seħħ meta ntfew it-transformers tal-Malta-Italy Interconnector minħabba diffikultà teknika waqt ħidma ta’ manutenzjoni skedata fit-Terminal Station ta’ Enemalta f’Ragusa.
Fi ftit minuti, Enemalta talbet żieda fil-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-impjanti ta’ emerġenza tagħha f’Delimara, mill-magni li qed jaħdmu bil-gass fl-impjant Delimara 3 (Delimara 3 Power Generation Ltd) u mill-impjant il-ġdid Delimara 4, li bħalissa jinsab għaddej bl-aħħar testijiet qabel jiġi kkummissjunat. Permezz ta’ din il-kapaċità, il-provvista tal-elettriku lill-maġġoranza tal-klijenti ngħatat lura fi ftit minuti. Fil-fatt, ħafna mill-inħawi kellhom is-servizz lura f’inqas minn 30 minuta. Is-sistema tad-distribuzzjoni ġiet mixgħula b’mod progressiv biex jiġi evitat li jkun hemm diffikultajiet oħra. F’inqas minn 50 minuta s-servizzi kollha kienu lura għan-normal.
Il-provvista tal-elettriku setgħet tingħata lura fi żmien qasir hekk kif Enemalta issa għandha għadd ta’ sorsi ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku li tista’ tixgħel malajr b’mod effiċjenti. Fil-fatt, malli Enemalta talbet għal żieda fil-ġenerazzjoni, din ingħatat mill-ewwel mill-impjanti Delimara 3 u Delimara 4, sabiex tagħmel tajjeb għat-tnaqqis fil-provvista mill-Interconnector.
Aktar stħarriġ dwar il-kawża ta’ din l-emerġenza għadhom għaddejjin.