Proposti għal ċentru kummerċjali f'barriera abbandunata f'ODZ f'Marsaskala

Nature Trust qed toġġezzjona din l-applikazzjoni għaliex b'hekk se tkompli tikber iż-żona urbana, anke meta tqis li parti miż-Żonqor se jiġi żviluppat

Is-sit faċċata tal-park tal-familja f'Marsaskala
Is-sit faċċata tal-park tal-familja f'Marsaskala

Barriera abbandunata faċċata tal-park tal-familja f'Marsaskala, li tinsab f'żona ODZ, kbira 9,750 metru kwadru qed tiġi proposta bħala s-sit ta' żvulupp kummerċjali enormi li jinkludi diversi ħwienet, ristoranti, uffiċini u anke drive thru.

Dan l-iżvilupp propost jinkludi fih parkeġġ taħt l-art, 3,080 metru kwadru ta' spazju kummerċjali, 748 metru kwadru ta' ristoranti, flimkien ma' 330 metru kwadru ta' ristorant bi drive thru fl-ewwel sular. Dan minbarra 2,080 metru kwadru ta' uffiċini.

Din il-proposta, tinsab f'żona barra miż-żona tal-iżvilupp, faċċata tal-park tal-familja u l-impjant tad-dranaġġ, u qed tiġi proposta minn Ephriam Schembri li huwa sit l-istess żona.

L-Awtorità tal-Ippjanar qed tikkunsidra wkoll applikazzjoni għal petrol station f'għalqa mhux żviluppata fi Triq Sant Antnin, faċċata tal-impjant tar-riċiklaġġ.

Dwar dawn il-proposti, diġà wriet ruħha mħassba l-NGO Nature Trust li qalet li din il-barriera abbandunata, ilha ma tintuża mill-1968 u li minn dak iż-żmien sa issa, din reġgħet imtliet bil-veġetazzjoni u għandha tiġi rijabilitata fl-istat naturali tagħha billi jinżergħu siġar u pjanti.

Nature Trust kompliet tgħid li applikazzjoni bħal din twassal biex tkompli tikber iż-żona urbana tal-lokal, partikolarment meta wieħed jikkunsidra li parti miż-Żonqor diġà ngħatat għall-iżvilupp tal-Università Amerikana.

More in Socjali