Fiż-żmien li ġej mistenni jibda x-xogħol infrastrutturali fuq il-proġett tal-villaġġ tal-Artiġġjanat f’Ta Qali, proġett li ilu fuq l-ixkaffa għal kważi 20 sena sħaħ, hekk kif mistenni joħroġ l-ewwel stadju ta’ tender għax-xogħlijiet ta’ infrastruttura neċessarja għal dan il-proġett, wara l-approvazzjoni mill-Awtorità tal-Ippjanar. Dan wara li, aktar kmieni fi Frar ġew konklużi numru ta’ proċessi oħrajn rigward il-proġett f’Ta Qali.
Filwaqt li beda x-xogħol fuq id-distribuzzjoni, ġie approvat ir-rapport ta’ evalwazzjoni tal-kuntratt għas-servizzi ta’ konsulenza fid-disinn u superviżjoni. Dan apparti li nfetaħ u ngħalaq il-proċess li permezz tiegħu se jkunu qed isiru xogħlijiet tad-drenaġġ fil-post.
Il-Fondi Ewropej ġew approvati u f’Ġunju tas-sena l-oħra l-Gvern ħabbar il-bidu ta’ dan l-istess proġett, imqassam fuq 63,000 metru kwadru ta’ art u li mistenni jagħmel użu minn €14-il miljun f’fondi Ewropej.