Wara diskussjonijiet bejn rappreżentanti tal-linja tal-ajru nazzjonali, Air Malta u l-GWU, intlaħaq ftehim dwar skema ta' irtirar volontarju għal kulħadd.
Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis, li kien akkumpanjat mill-President Emeritus George Abela u miċ-Chairperson tal-linja tal-ajru Air Malta Maria Micallef, spjegaw kif se jissokta l-kumitat maħtur apposta mmexxi minn George Abela li se jibda jinnegozja mal-union dwar skema ta’ rtirar volontarju bil-għan li jaslu għal ftehim dwar skemi ta’ rtirar u għal ftehim kollettiv għall-membri kollha tal-GWU sal-aħħar ta’ Ġunju li ġej.
Wara ftehim milħuq mal-General Workers’ Union (GWU), il-Ministeru għat-Turiżmu ħabbar ukoll li wara ħames snin, il-ħaddiema tal-Air Malta li ħadu l-iskema tal-irtirar kmieni fl-2011, ingħataw id-diskrepanzi fil-ħlas dovut lilhom mill-ammont globali hekk kif miftiehem magħhom dak iż-żmien.
Dan kien possibbli grazzi għall-għajnuna li kien hemm mill-Ministeru għall-Finanzi kif ukoll mill-GWU.
Il-ftehim intlaħaq ilbieraħ f’laqgħa bejn il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis u d-delegazzjoni tal-union immexxija mis-Segretarju Ġenerali Josef Bugeja.